Lukandi ta’ Gary Neville jospitaw lill-ħaddiema tas-saħħa Ingliżi

Lukandi tal-eks plejer tal-Manchester United u tat-tim Ingliż Gary Neville, flimkien ma’ msieħba oħrajn, qegħdin jospitaw lill-ħaddiema tas-saħħa Ingliżi sabiex dawn ma jmorrux id-dar ma’ familthom wara xogħolhom fl-isptar minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Dan Neville qalu lit-tenur Malti Joseph Calleja waqt konverżazzjoni li kellhom virtwalment, organizzata minn Malta Together.

Id-diskussjoni kixfet dettalji esklussivi dwar kif kemm Neville kif ukoll Calleja jippreparaw avvenimenti importanti kif ukoll ix-xogħol ta’ karità li jagħmlu t-tnejn li huma.

Neville stqarr ma’ Calleja li huwa kuntent ħafna li ħa din id-deċiżjoni u l-NHS issa qed tuża madwar 90 kamra. Joseph Calleja tkellem ukoll dwar il-fondazzjoni b’ismu li fl-aħħar ħames snin ġabret ‘il fuq minn miljun ewro u għenet 20 student f’oqsma artistiċi differenti.

Malta Together huwa portal online li jagħti aċċess lin-nies għal varjetà ta’ servizzi li jistgħu jgħinuhom jaddattaw għal dan iż-żmien diffiċli matul il-pandemija tal-coronavirus f’Malta. Is-sit joffri informazzjoni dwar helplines, counselling, servizzi online, kif ukoll klassijiet online biex ikun żgurat li kulħadd iżomm ruħu okkupat waqt li qegħdin id-dar. Dan il-portal qed jorganizza wkoll serje ta’ kompetizzjonijiet eċitanti bi premjijiet sbieħ kemm għall-adulti u anke għat-tfal ta’ kull età.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn