Lukanda ta’ Refalo fl-ODZ: L-ERA kompletament kontra l-iżvilupp

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hija kompletament kontra l-iżvilupp propost fil-Qala fejn l-eks Ministru Anton Refalo qed jipprova jibni lukanda fuq art ODZ.

Newsbook.com.mt kien żvela kif mart iċ-Ċerpersin ta’ Heritage Malta Anton Refalo applikat biex tibni lukanda b’sebat ikmamar fuq art ODZ fil-Qala. Il-binja eżistenti jisimha l-Eremita, fi Triq Ta’ Ġulju fil-Qala.

Esklussiva: L-eks Ministru Anton Refalo jrid ikompli jibni f’ODZ

Fir-rapport tagħha li ġiet sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar, l-ERA qalet li minħabba ċ-ċokon tal-art li fiha jinsab ir-razzett, l-assessjar ambjentali mhux se jsir. Tgħid li minkejja li din l-applikazzjoni ma tikkwalifikax għall-assessjar, xorta waħda tibqa’ tal-oppinjoni li toġġezzjona għal dan l-iżvilupp minħabba l-kunflitti għall-użu tal-art mal-ambjent tal-madwar. Qalet li tinsab preokkupata li l-approvazzjoni ta’ dan l-iżvilupp jista’ jwassal biex isir iktar użu li ma jkunx jaqbel maż-żona urbana.

L-ERA ssottomettiet din il-konklużjoni tagħha wara li ġew sottomessi pjanti ġodda mill-perit fejn indika li l-lukanda se tkun qed tispeċjalizza fil-Yoga, l-istess kif kien qalilna Refalo nnifsu f’kummenti ma’ Newsbook.com.mt:

Filmat: Nuża għar fl-ODZ għall-yoga u meditazzjoni – Anton Refalo

Il-konklużjoni tal-ERA jgħid hekk:

a) The PDS has been reviewed and ERA is of the opinion that the scale of the proposal and its impacts does not warrant an EIA.

b) However, although the proposal does not qualify for further EIA studies, this requirement is secondary to ERA’s overriding objection in view of the salient issues related to the conflicts of the proposed use and its ancillary demands with the surrounding environmental and landscape context.

c) ERA is concerned approval of this proposal would further consolidate uses which are not characteristic of rural areas…

L-entitajiet involuti

Minbarra l-ERA, kien hemm diversi entitajiet li għamlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom mal-ERA:

L-għada li Newsbook.com.mt żvela din l-aħbar, l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet ħames rappreżentazzjonijiet kontra dan il-proġett, bl-oġġezzjonijiet ikunu kollha mingħand persuni joqogħdu Malta. Ma kien hemm l-ebda sottomissjoni mingħand residenti Għawdxin.

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali talbet lill-perit ta’ Refalo biex issir spezzjoni fuq il-post minħabba li ma ġewx ippreżentati biżżejjed ritratti tas-sit fosthom nuqqas ta’ ritratti tal-għar indikat fuq il-pjanta.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, għalkemm ma ħarġitx liċenzja għal-lukanda proposta f’dan is-sit, xorta waħda qalet li jekk il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar jinħareġ, hi tkun lesta li toħroġ permess għal lukanda ta’ tliet stilel jew guesthouse.

L-għaqda Din l-Art Ħelwa qalet li hija “tal-mistħija” kif art fl-ODZ tħalliet tipprogressa minn razzett għall-użu agrarju żviluppa fi proġett propost ta’ lukanda f’20 sena.

L-iżvilupp fuq l-art fi Triq ta’ Ġulju fil-Qala matul is-snin. Sors: PA-Geoportal

Il-permessi matul is-snin…

2001 – Il-MEPA tissanzjona bini illegali.
2004 – L-eksMinistru Anton Refalo japplika biex jibni pixxina.
2009 – Jingħata l-permess f’isem Lina Refalo, mart l-eksMinistru Refalo, biex tiġi emendata l-iskema ta’ landscaping u biex jiġi rregolarizzat il-ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita għall-irrigazzjoni.
2014 – Jingħata l-permess għat-tiġdid tal-permess li kien ingħata fl-2009.
2018 – Applikazzjoni ġdid biex minn dar residenzjali b’żewġt ikmamar tinbidel f’lukanda ta’ sebat ikmamar.