Lukanda ta’ 11-il sular approvata f’Tas-Sliema; “Lura għal żmien Lorry Sant” – FAA

Read in English.

Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) ikkundannat id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li ħarġet il-permess biex tinbena lukanda ta’ 11-il sular fi triq dejqa residenzjali f’Tas-Sliema. L-NGO qalet li b’permessi bħal dawn, Malta sejra lura għal żmien Lorry Sant.

Din l-applikazzjoni kienu kontriha għadd ta’ residenti ta’ Tas-Sliema li ngħaqdu fil-konferenza stampa tal-NGO llum. Skonthom, din il-lukanda se tiggrava l-problema tat-traffiku fiż-żona u żżid mat-tniġġis, kif ukoll tkerrah din iż-żona u tpoġġi lid-djar tagħhom fid-dell.

L-organizzazzjoni qalet li dan il-permess imur kontra r-rakkomandazzjoni tal-Uffiċjal tal-Każijiet tal-PA biex il-permess ma jinħariġx. Argumentat li ċ-Chairman Simon Saliba injora l-fatt li l-proposta tmur kontra l-policy tal-PA li tippermetti żewġ sulari biss iktar mil-limitazzjoni ta’ ħames sulari fil-Pjan Lokali. Żiedet tgħid li l-lukanda b’xi 83 kamra li se jkollha xafts tal-ġirien bħala veduta mhijiex lukanda ta’ kwalità.

L-NGO temmet tgħid li la l-lukandi l-oħrajn imorru lura għal qabel kien hemm Pjanijiet Lokali, dan juri negliġenza ta’ kwalunkwe forma ta’ ppjanar, u ritorn lejn il-“free-for-all days” taħt Lorry Sant.