Lukanda lussuża f’sit storiku f’Għawdex?

Read in English.

Kumpanija Torka ddikjarat li għaddejja b’taħditiet mal-awtoritajiet Maltin dwar boutique hotel lussuża ta’ 110 kmamar f’Għawdex. Spjegat li l-post għadu mhux deċiż, iżda hemm possibilità li tkun f’bini storiku jew tinbena mill-ġdid f’post ieħor fil-gżira.

Minkejja li f’dan ir-rapport ma ssemmiex fejn jista’ jkun is-sit storiku, lura fl-2016, waqt attività tal-Gvern, Dr Anton Refalo, dakinhar Ministru għal Għawdex u llum Chairman ta’ Heritage Malta, kien ħabbar li f’qasir żmien il-Qorti ta’ Għawdex se joħroġ miċ-Ċittadella u fis-sit fejn hemm bħalissa l-Qorti, issir boutique hotel.

Boutique hotel fis-sit fejn bħalissa hemm il-Qorti – Anton Refalo

Din l-aħbar ma kinitx intlaqgħet tajjeb minn bosta, fosthom minn Dr Samuel Azzopardi, dakinhar Sindku tar-Rabat Għawdex.

Awdjo: “Sorpriż li lukanda u ristoranti se jieħdu post bini storiku fiċ-Ċittadella”

Għajnejn il-kumpanija Torka fuq Malta ġie rrappurtat f’Yeni Safak, gazzetta b’aġenda favur il-Gvern Tork. Il-ġurnal ikkwota lill-Yukselir Group Tourism jgħid li alloka madwar €120 miljun għall-kostruzzjoni ta’ dan il-proġett. Il-boutique hotel mistennija tinkludi ristorant li joffri ikel mil-Lvant, Tork u Taljan, kif ukoll faċilitajiet għal konferenzi, laqgħat, tiġijiet u seminars.

Fl-istqarrija tiegħu, il-grupp qal li dan il-proġett jiġi ffinalizzat wara laqgħa mal-awtoritajiet tal-istat. Laqgħat mal-awtoritajiet Maltin diġà saru, hekk kif il-grupp ġie rrappurtat jgħid li “wara l-laqgħat ma’ uffiċjali għolja tal-pajjiż, se nadattaw għall-bżonnijiet ta’ Malta”.

Iċ-Ċermen tal-Grupp, Yavuz Yuksel semma numru ta’ vantaġġi għaliex wieħed għandu jinvesti f’pajjiż Ewropew. Żied jgħid li Malta toffri vantaġġi f’dak li hu relatat ma’ taxxa korporattiva.

Yukselir Group Tourism fi ħdan Yukselir Group of Companies beda fl-2010. Il-kumpanija ewlenija hija attiva f’diversi setturi fosthom taż-żejt, l-avjazzjoni, l-enerġija, il-loġistika, il-marinas, l-IT u l-kostruzzjoni.