Lukanda fid-Dwejra: Se tiġi aċċettata?

Natura 2000 Dwejra
Natura 2000 is the area marked in red. The hotel proposal area is in green.

Wara li fl-aħħar jiem żvelajna kif l-unika proposta għad-Dwejra kienet tinvolvi l-kostruzzjoni ta’ lukanda fid-Dwejra, Newsbook.com.mt għamel analiżi tal-proposta li ġiet sottomessa mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Esklussiva: Lukanda fid-Dwejra l-unika proposta għas-sejħa tal-PM

Sors viċin il-Ministeru għall-Ambjent qal li l-Bord tal-ERA ma kellux opinjoni favorevoli u għaldaqstant huwa previst li l-Gvern mhux se jipproċedi b’dawn il-proposti minħabba għadd ta’ raġunijiet.

Ewlenija fosthom hi li din il-proposta kienet l-unika waħda li ġiet sottomessa fl-erba’ xhur u nofs li damet attiva s-sejħa internazzjonali. Problema oħra b’din il-proposta kienet li skont ir-rapport imħejji mill-bord, l-applikant ma speċifikax il-maġġoranza tal-kriterji stipulati fis-sejħa li qed jitqiesu bħala limitazzjonijiet.

Nuqqas ta’ dokumentazzjoni

Għalkemm ir-rapport li għandu f’idejh Newsbook.com.mt isemmi li kien hemm numru ta’ nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni u fil-mistoqsijiet li kellhom jiġu mwieġba minn min jagħmel il-proposta, il-Kumitat qal li “l-aħjar stima ta’ firxa ta’ prezzijiet u skeda taż-żmien għat-twettiq tal-proġett ġew inklużi fil-proposta”.

Din l-istqarrija tikkuntrasta ma’ dak li qalu l-istess membri tal-Kumitat fejn f’partijiet oħra jgħidu li din it-tip ta’ informazzjoni kienet “batuta ħafna”. Jispjegaw li l-proposta kellha żewġ skedi ta’ żminijiet, b’waħda minnhom tiffoka fuq l-iżvilupp tas-servizz (10 snin) u oħra fuq il-Public Private Partnership, proġett bi sħab mal-Gvern (99 sena).

Jgħidu wkoll li għalkemm il-proposta ppreżentata fiha element innovattiv, id-dettalji għadhom iridu jiġu ċċarati fi stadju ta’ negozjati.

Natura 2000: Żona protetta

Il-proġett propost għad-Dwejra huwa ispirat minn dak fl-Ingilterra fejn f’Cornwall inbena ġnien tropikali f’barriera diżabitata u dilapitata. F’Eden Project wieħed isib mużew f’żewġ kumplessi li jospitaw pjanti minn diversi klimi madwar id-dinja.

Eden Project Dwejra Heritage Park

Għall-kuntrarju tal-proġett propost fl-Ingilterra, id-Dwejra hija meqjusa bħala sit ta’ prestiġju internazzjonali u ta’ wirt naturali tant li tifforma parti minn Natura 2000, l-akbar netwerk koordinat ta’ żoni protetti fid-dinja.

In-nuqqas ta’ deskrizzjoni ta’ kif se jiġu implimentati l-azzjonijiet tal-Pjan ta’ Ġestjoni tan-Natura 2000 kien punt ieħor li l-kumitat irrimarka dwaru. Jgħidu wkoll li parti mill-iżvilupp propost se jinbena fuq art ODZ.

Monopolju?

Il-kwistjoni ta’ monopolju ssemmiet fir-rapport tal-Kumitat fejn fir-rimarki konklussivi jgħid li “possibbilment jinħoloq monopolju de facto fuq dawn is-servizzi, li jaf ikollhom konsegwenzi legali li jridu jiġu kkunsidrati”.

F’għajnejn dawk li ħejjew dan ir-rapport, dan il-proġett mistenni li jwassal għal reazzjonijiet varji mill-pubbliku u preċiżament iwissi li għad hemm “inċertezza” partikolarment minħabba l-impatti fuq il-faċiltajiet eżistenti u l-persuni li joperawhom fiż-żona tad-Dwejra stess.

Madanakollu, l-istess rapport qed jirrakkommanda lill-Bord tal-ERA li jista’ jkun hemm negozjati bejn il-Gvern u l-iżviluppatur peress li qed jipproponi l-użu ta’ art privata li f’dan il-każ hija l-barriera eżistenti li nxtrat mill-iżviluppatur fl-aħħar snin.

Il-Ministeru għal Għawdex mhux involut fil-konsultazzjoni

Il-Ministeru għal Għawdex ma kienx involut fil-konsultazzjoni għall-proġett tad-Dwejra. Newsbook.com.mt għadu qed jistenna t-tweġiba tal-Ministeru għall-mistoqsijiet li ntbagħtu jumejn ilu wara li minn dokumenti ta’ konsultazzjoni dwar dan il-proġett juru li l-Ministeru għal Għawdex ma jissemma mkien.