Lukanda fid-Dwejra: Il-PD iċanfar lill-ERA u Ambjent Malta

Natura 2000 Dwejra
Natura 2000 is the area marked in red. The hotel proposal area is in green.

Il-Partit Demokratiku ċanfar lill-Awtorità għall-Ambjenti u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta dwar id-Dwejra u sostna li hemm bżonn li din tiġi protetta u ma jippermettux li tinbena lukanda. Insista li l-entitajiet għandhom jitkellmu u jagħmlu xogħlhom kif suppost.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku sostna li ‘l fuq minn 750,000 persuna jmorru d-Dwejra kull sena. Insista li din mhux l-ewwel darba li l-art fid-Dwejra ġiet abbużata hekk kif minflok inbena ċentra tal-viżitaturi spiċċa nbena restorant. Semmew li issa l-uniku applikant għas-sejħa għal Heritage Park, li ilha għaddejja mill-1 ta’ Settembru 2017, bi ħsiebu jibni lukanda fuq is-sit.

Newsbook.com.mt kien għamel analiżi tal-proposta li ġiet sottomessa mal-ERA dwar il-lukanda. Waħda mill-problemi ewlenin kienet in-nuqqas ta’ dokumentazzjoni, kif ukoll il-fatt li jekk aċċettata jkun hemm bini fuq art ikkunsidrata żona protetta Natura 2000.

Il-Partit Demokratiku fakkar kif lura fl-2010, il-Partit Laburista, li dak iż-żmien kien fl-Oppożizzjoni kien ikkritika lill-MEPA talli aċċettat li jħallu ramel sintetiku jitpoġġa għal filming ta’ episodju ta’ Game of Thrones. Għaldaqstant irraġuna li llum ma jisteniex li l-amministrazzjoni Laburista ma tikkundannax din l-applikazzjoni.

Fl-istqarrija, il-PD sejjaħ għal bord tal-immaniġġjar b’saħħtu “li jaħdem b’mod etiku, u bl-interessi ambjentali bħala prioritajiet ewlenin.” Insista li jekk għandu jinbena Heritage Park, dan għandu jservi biss għall-edukazzjoni u mhux għall-akkommodazzjoni jew biex xi restorant ikollu veduta sabiħa.