Lukanda fid-Dwejra: Il-Ministeru għal Għawdex mhux involut fil-konsultazzjoni

Lukanda Dwejra Ministeru Għawdex mhux involut konsultazzjoni

Il-Ministeru għal Għawdex ma kienx involut fil-konsultazzjoni għall-proġett tad-Dwejra. Dan jista’ jiżvelah Newsbook.com.mt hekk kif minn dokumenti li ra, il-Ministeru għal Għawdex ma jissemma mkien. Sa issa, il-Ministeru la ċaħad u lanqas ikkonferma dan.

Ilbieraħ Newsbook.com.mt żvela kif għas-sejħa internazzjonali li saret kien hemm biss proposta waħda li ġiet sottomessa f’perjodu ta’ erba’ xhur. Il-proposta tinkludi fiha pjan biex tinbena lukanda f’barriera fil-qrib minkejja li s-sit huwa protett bħala Natura 2000.

Newsbook.com.mt bgħatt għadd ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għal Għawdex rigward il-każ iżda sal-ħin li qed jinkiteb dan ir-rapport ma rċevejna l-ebda tweġiba.

It-tieqa ta’ Dwejra waqgħet nhar it-8 ta’ Marzu 2017. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar “inizjattiva internazzjonali” biex jiġi żviluppat Dwejra Heritage Park. Liema inizjattiva ġiet irrepetuta minn erba’ Ministri, inkluż l-eks Ministru għall-Għawdex Anton Refalo, waqt konferenza tal-aħbarijiet ġurnata wara li waqgħet it-Tieqa ta’ Dwejra.