Lukanda bi 11-il sular f’żona residenzjali f’Tas-Sliema

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Flimkien għall-Ambjent Aħjar saħqet li l-iżvilupp propost fi Triq Howard f’Tas-Sliema jinsab f’żona residenzjali u m’hemmx imniżżel li din il-lukanda se tkun ta’ kwalità għolja.

Il-lukanda proposta se tkun mibnija fuq 11-il sular bi 12-il kamra f’kull sular. Astrid Vella spjegat li 10 minn 12-il kamra mibnija f’kull sular se jkunu jagħtu ġo shaft. Vella spjegat li t-tliet problemi prinċipali bil-binja proposta huma li minħabba li t-triq hija dejqa se jkun qed joħloq inkonvenjent għar-residenti, problema ta’ parkeġġ inġenerali kif ukoll il-parkeġġ stipulat mil-liġi huwa ta’ 27 spazju filwaqt li dak li hemm propost huwa ta’ 15-il spazju.

Apparti minn hekk Astrid Vella spjegat li fit-triq se jkunu qed jitneħħew madwar 12-il parkeġġ residenzjali u dan ifisser li jkompli jinħoloq aktar inkonvenjent. Vella saħqet li jekk waħda mill-akbar lukandi f’Tas-Sliema ngħatat il-permess li titwaqqa’ biex tinbena appartamenti kif qed isir propost li tinbena lukanda ġo binja residenzjali.

Il-Kunsillier Paul Radmilli spjega li bħala Kunsill qed joġġezzjonaw għal din il-proposta minħabba li din it-triq hija dejqa u tinsab f’żona residenzjali. Spjega li dawn it-82 kamra f’din il-lukanda se jkunu mdawrin mill-bini minn kull naħa. Żied li r-residenti se jkunu affettwati minħabba li din f’din iż-żona m’hawnx lukandi u kollha huma ġirien ta’ xulxin u jekk issir din il-lukanda se tkun qed tmiss mal-btieħi u residenzi tagħhom. Żied li l-case officer qed jirrakomanda li din l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutatha.