Lufthansa Technik f’Malta waqt il-pandemija

Miriam Dalli Lufthansa Teknik
Ritratt: Omar Camilleri / DOI

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli enfasizzat l-impenn tal-gvern li jgħin lill-industrija tal-avjazzjoni, fil-kuntest ta’ pandemija li qed tħalli l-effetti tagħha madwar id-dinja.

“Il-pandemija globali impattat is-setturi ekonomiċi kollha u fost l-agħar milquta hemm l-industrija tal-avjazzjoni. L-iskemi li tnedew fl-eqqel tal-pandemija kienu mmirati biex jgħinu lis-setturi differenti jżommu l-ħaddiema tagħhom. Hekk kif id-dinja tħares ħerqana biex tibda tirkupra fix-xhur li ġejjin, se nkunu qed nagħtu l-appoġġ meħtieġ lill-industrija tal-avjazzjoni”, qalet il-Ministru Dalli waqt żjara fil-faċilità Lufthansa Technik f’Ħal Luqa.

Il-Ministru Dalli ġiet milqugħa mill-Kap Eżekuttiv ta’ Lufthansa Technik Malta John Mahon. Lufthansa Technik Malta timpjega ‘l fuq minn 550 ħaddiem u tiffoka fuq il-manutenzjoni, it-tiswija u l-overhaul ta’ ajruplani. Hija waħda mid-diversi kumpaniji f’Malta li bbenefikaw mill-iskema tas-suppliment tal-pagi matul l-2020 u se tkompli tibbenefika mill-iskema riveduta.

L-industrija tal-avjazzjoni tiġbor flimkien bosta setturi differenti inklużi t-trasport bl-ajru, ajruporti, il-manifattura ta’ ajruplani u l-Manutenzjoni, Tiswija u Operazzjonijiet (MROs), li kollha huma marbutin ma’ xulxin u affettwati mill-isfidi kkawżati mill-pandemija, inklużi r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bl-ajru. MROs, b’mod partikolari, huma dipendenti ħafna fuq id-domanda mis-settur tat-trasport bl-ajru kif rikonoxxut b’mod ċar mill-OECD.

Is-Sur Mahon laqa’ l-appoġġ kontinwu muri mill-gvern f’dan iż-żmien ta’ sfida għall-industrija tal-avjazzjoni.

“Dejjem kellna relazzjoni eċċellenti mal-Gvern Malti u għalhekk huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nilqa’ lill-Ministru Dalli”, qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Lufthansa Technik Malta.

“L-effett li kellha l-pandemija fuq in-negozju tagħna kien estrem u għadna niffaċċjaw bosta sfidi biex nerġgħu lura għal-livelli tal-2019. L-appoġġ kontinwu mill-gvern u mill-Malta Enterprise, flimkien mal-impenn mil-Lufthansa u l-flessibilità kontinwa tal-kumpanija tagħna u l-ħaddiema dedikati, huma l-pedamenti meħtieġa biex jippermettulna nsibu triqitna f’din il-kriżi”, temm jgħid is-Sur Mahon.

Ritratt: Omar Camilleri / DOI

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.