LSEs ordnati ma joqogħdux ma’ studenti b’sintomi ta’ riħ

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) ordnat lil-Learning Support Educators sabiex ma jakkumpanjawx lill-istudenti li jkollhom sintomi ta’ riħ sakemm dawn jistennew li jiġbruhom il-ġenituri mill-iskola.

Fi stqarrija, l-UPE qalet li hija verament imħassba dwar saħħet l-edukaturi minħabba l-iżviluppi li kien hemm fuq il-coronavirus, u kif dan infirex sal-iżjed pajjiżi qrib tagħna.

Hija ħarġet sitt direttivi għall-edukaturi membri tagħha, li huma:

  • Ma jassenjawx jew jikkoreġu xogħol tad-dar ta’ studenti li kienu ma jifilħux
  • Ma jattendux avvenimenti fejn ikun hemm rassa ta’ nies, bħall-quddies, cope sessions, SDPs jew assemblies
  • Jirrappurtaw lill-istudenti li juru sintomi ta’ riħ u ma jħalluhomx fil-klassi
  • Ma jaċċettawx fil-klassi lil studenti li ma kinux qed jattendu skola jew li ntbagħtu d-dar mill-iskola, sakemm ma jkollhom ċertifikat tat-tabib li jgħid li jifilħu biżżejjed biex jattendu l-iskola
  • LSEs ġew ordnati sabiex ma jaċċettawx ir-responsabbiltà li joqogħdu ma’ studenti li għandhom sintomi ta’ riħ sakemm dawn jistennew li jgħaddu għalihom il-ġenituri
  • L-edukaturi għandhom jitħallew jużaw ingwanti kirurġiċi meta jmissu materjal tal-istudenti jew apparat teknoloġiku tal-istudenti

Dawn id-direttivi japplikaw għall-edukaturi fl-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u indipendenti.

L-UPE qalet li tistenna li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jieħu azzjoni biex jevita li jinfirex il-virus, billi jipprovdi sanitizers u alcohol rubs, heaters tal-ilma u sapun fit-tojlits.

Ilbieraħ, l-MUT ħarġet ukoll lista ta’ direttivi għall-għalliema b’rabta mal-coronavirus.

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħareġ ċirkolari lill-edukaturi fl-iskejjel kollha sabiex jekk siefru f’wieħed mill-pajjiżi l-iżjed milquta bil-coronavirus, dawn jagħmlu ġimagħtejn ma jmorrux skola.