Aġġornata: Illegali d-direttivi għal-LSEs fl-iskejjel tal-Knisja – Il-Kurja

Wara li l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) – Voice of The Workers ħarġet direttivi għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-UPE qed tikser il-liġi.

Il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) – Voice of The Workers fi stqarrija qalet li ordnat lill-membri tagħha li jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja biex isegwu numru ta’ direttivi minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Madanakollu, skont is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qalet li l-unjin mhix rikonoxxuta bħala dik li tinnegozja b’mod kollettiv għall-impjegati.

Membri tal-unjin qajmu tħassib dwar l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom. Il-UPE qalet li talbet għal laqgħat mas-Segretarjat tal-Knisja u mal-persuni konċernati b’mod persistenti dwar diversi kwistjonijiet. Spjegat li saret ħidma fuq xi każijiet meta l-unjin għamlet kuntatt Dipartiment tal-Impjiegi (DIER), però qalet li ma saru l-ebda laqgħat tul il-vaganzi tas-sajf.

L-UPE elenkat li l-membri tagħha se jkunu qed isegwu dawn id-direttivi:

  1. Edukaturi m’għandhomx iwieġbu imejls jew telefonati barra l-ħin tax-xogħol
  2. Learning Support Educators (LSEs) m’għandhomx jipproduċu dokumenti provduti mill-għalliema b’mod addattat għall-istudenti
  3. LSEs m’għandhomx jiktbu l-programmi tal-edukazzjoni individwali għall-istudenti
  4. LSEs m’għandhomx jieħdu ordnijiet jew struzzjonijiet mill-Koordinaturi tal-Inklużjoni jew tal-Kapijiet tad-Dipartiment dwar affarijiet tal-Inklużjoni li mhumiex direttivi uffiċjali tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika

Il-Knisja tapprezza lill-għalliema – il-Kurja

Fi stqarrija, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qal li għalkemm l-UPE hija unjin reġistrata, qed tikser il-liġi li tgħid li unjins li mhumiex rikonoxxuti bħala l-unika unjin li tista’ tinnegozja b’mod kollettiv għall-impjegati ma jistgħux jindaħlu fi kwistjonijiet ta’ natura kollettiva. Is-Segretarjat qal l i l-istess liġi ma tippermettix li jiltaqgħu mal-unjin biex jiddiskutu affarijiet ta’ din in-natura. Is-Segretarjat qal ukoll li flimkien mal-Iskejjel tal-Knisja japprezza l-membri individwali fi ħdan il-komunitajiet tagħhom. Dan jinkludi l-istudenti, l-familji tagħhom, u anke l-għalliema. Skont is-Segretarjat, il-kundizzjonijiet tjiebu wara ftehim mal-unjin rikonoxxuta.