LSEs għall-Kinder mis-sena skolastika li jmiss

Read in English.

Mis-sena skolastika li ġejja, se tiddaħħal is-sistema ta’ LSE Class Support fil-Kinder. Dan huwa parti mill-Ftehim Settorjali tal-2017, bil-għan li jissaħħaħ is-sapport li jingħata biex kull student joħroġ il-potenzjali individwali tiegħu fil-mixja edukattiva.

Kelliema għall-Ministeru rrimarkat dan ma’ Newsbook.com.mt għal sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-irwol tal-LSEs fl-iskejjel.

Il-kelliema stqarret li hemm biżżejjed LSEs għat-tfal kollha li għandhom bżonn. Semmiet fost l-oħrajn dawk it-tfal li jkollhom bżonn l-għajnuna full time one-to one. Fissret li meta LSE jitlaq ħesrem waqt sena skolastika, dan jiġi sostitwit b’LSE li jiġi ingaġġat.

Kompliet tispjega li biex wieħed jaħdem bħala LSE, għandu bżonn erba’ O’Levels, li jinkludu l-Matematika, il-Malti u l-Ingliż, kif ukoll A’Level wieħed. Diploma u korsijiet jiġu kkunsidrati wkoll.

Liema tip ta’ taħriġ ikollhom l-LSEs qabel jibdew ix-xogħol?

It-taħriġ jinkludi kors mandatorju għall-persuna ingaġġata. Dan ikopri numru ta’ ġimgħat u jinkludi wkoll practice placement ta’ sitt ġimgħat.

Wara t-taħriġ mandatorju, hemm sensiela ta’ taħriġ  addizzjonali li jwassal ukoll għal Diploma u għal First Degree fl-Inklużjoni.  Għall-edukaturi kollha, inkluż l-Learning Support Educators (LSEs) hemm taħriġ kontinwu li wieħed jista’ japplika għalih u jiġi offrut mill-Istitut għall-Edukazzjoni.

It-taħriġ jiffoka fuq strateġiji diversi fejn kull edukatur (għalliem u LSE) jista’ jagħti s-sapport tiegħu fit-tagħlim sabiex joħroġ il-potenzjal tal-individwu u mhux jiffoka biss fuq in-nuqqasijiet jew id-diżabiltaà innifisha.  Dawn l-istrateġiji jkunu jistgħu jintużaw fit-tagħlim sabiex jiġu megħluba d-diffikultajiet li dawn l-istudenti jiltaqgħu magħhom.