“LSEs bilkemm ħadu żieda imma jintalbu jħallsu għall-kors”

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) qalet li hija ħaġa inkredibbli li wara “ftehim settorjali storiku” li ħalla bosta Learning Support Educators (LSEs) u għalliema bit-togħma ta’ żieda li rriżultat wisq baxxa, issa qed jintalbu sabiex iħallsu għall-kors tagħhom.
Dan qaluh f’risposta għall-artiklu ta’ Newsbook.com.mt fejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni spjega li l-kors il-ġdid tal-LSEs għandu jkun bil-ħlas minħabba l-livell għoli tiegħu.  
Kien l-edukatur Justin Schembri li ppubblika ittra mill-Istitut għall-Edukazzjoni li kienet tgħid li l-kors għal-LSEs ingaġġati se jibda jkun bi ħlas ta’ €250.
Min-naħa tagħha l-UPE spjegat li temmen ukoll li t-taħriġ għandu jsir qabel l-ingaġġ fl-impjieg, speċjalment jekk jista’ jkun wieħed mir-rekwiżiti.
Staqsiet ukoll jekk dan il-kors bil-ħlas hux se jwassal sabiex jonqos b’mod drastiku l-ammont ta’ LSEs fl-iskejjel. Sostniet li dan kollu kawża tal-ftehim għall-għalliema li sar bejn l-MUT u l-Gvern li xorta ħalla bosta għalliema u LSEs bin-nieqes.
Taqbel li għandu jibqa’ jogħla l-livell, iżda dan m’għandux isir għad-detriment tar-relazzjoni bejn ix-xogħol u ħin tal-familja. Spjegat li din hija xi ħaġa li l-Unjoni Ewropea qed tissielet għaliha sabiex jiġi s-salvagwardjat dan id-dritt fundamentali tal-bniedem u x-xogħol ma jitħalliex joħloq pressjoni żejda.