Louis Grech jinħatar Deputat Mexxej tal-Partit Laburista

Isma l-ewwel reazzjoni ta’ Louis Grech hawn fuq.

Il-Membru Parlamentari Ewropew, Louis Grech inħatar bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista permezz 724 voti.

Waqt konferenza tal-aħbarbijiet id-Deputat Mexxej il-ġdid Louis Grech beda d-diskors tiegħu billi semma’ li l-elezzjoni ġenerali tinsab wara l-kantuniera u ma jistax ikun li “l-pajjiż jgħaddi minn trawma kull darba li tasal elezzjoni”. Saħaq li ma jistax ikun li fuq għatba ta’ elezzjoni ġenerali, iċ-ċittadin iħossu mhedded.

Louis Grech sostna li hu jixtieq jara bidla u tisħiħ fil-valuri tas-soċjetà Maltija fosthom iktar trasparenza u meritokrazija. Għandu jkun hemm “bidla fir-riforma tal-ħsieb u ma jkollniex daqshekk preġudizzju”, kompla jgħid Grech.

Saħaq li jekk il-Partit Laburista jitla’ fil-Gvern, jaf li se jkollu jaffaċċja kriżi iżda l-Partit Laburista se jkun lest biex isib bilanċ bejn ekonomija kompetittiva u fl-istess ħin iħares l-interessi soċjali u ambjentali. Qal li Gvern Laburista se jagħti każ il-persuni vulnerabbli.

Louis Grech sostna li hu se jaħdem biex iqis li l-wegħdiet tal-Partit Laburista jitwettqu. Jekk il-Partit Laburista jiltaqa’ ma xi tip ta’ problema , dan għandu jkollu l-kuraġġ li jdur għand iċ-ċittadin u jkollu komunikazzjoni diretta u onesta miegħu, saħaq Grech.

Dwar ir-rwol tal-politiku, id-Deputat Mexxej qal li dan għandu jitgħallem jikseb ir-rispett taċ-ċittadin għax dan qatt ma tista’ tixtrih. Temm jgħid li l-politiku Malti għandu wkoll jitgħallem jidħak ftit iktar bih innifsu.

Min-naħa tiegħu, Il-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat qal li l-Partit tiegħu u Malta għamlu gwadann bil-ħatra ta’ Louis Grech. Qal li jekk il-Partit Laburista jitla’ fil-Gvern, Louis Grech se jkun “Deputat Prim Ministru forbidabbli”.

Dr Muscat irringrazzja wkoll lil Dr Anġlu Farrugia għas-servizz li ta tul dawn is-snin u qal li l-bieb hu miftuħ filwaqt li Dr Farrugia għadu rilevanti.

Eleġibbli għall-vot kien hemm 789 delegat iżda ivvutaw 749 persuna. Voti validi kien hemm 743, 6 oħra kienu invalidi. 36 delegat ma setgħax jattendi għal-votazzjoni. It-turn out huwa ta’ 94.9 fil-mija.

16-il delegat ivvota kontra Louis Grech filwaqt li kien hemm 3 astensjonijiet.

Grech kien l-unika wieħed li tefa’ n-nomina tiegħu għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament. Hu tefa’ l-vot tiegħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Il-votazzjoni bdiet fil-ħdax u ntemmet fis-sebgħa tal-llejla.

Biex isir Deputat Mexxej, Grech kellu jġib 50%+1 tal-voti mitfugħa b’mod sigriet mid-delegati. Kien nhar il-Ħamis li għadda li Anġlu Farrugia irriżenja minn din il-kariga.

Nhar il-Ġimgħa beda l-proċess tan-nominazzjonijiet, li għalaq b’nomina waħda nhar is-Sibt f’nofsinhar.

Ħalli hawn taħt il-kummenti tiegħek.