Loughlin tista’ teħel aktar ħabs minn Huffman

L-attriċi Lori Loughlin, magħrufa għas-sehem tagħha f’sensiliet bħal Full House, Fuller House, u 90210 qiegħda f’possibilità li teħel sentenza itwal ta’ ħabs mill-attriċi Felicity Huffman ta’ Desperate Housewives. It-tnejn li huma nstabu li kienu mdaħħla fi iskandlu biex uliedhom jidħlu f’universitajiet mill-aqwa wara li jinbidlu kemm ikunu ġabu fir-riżultat. Hu kkalkulat li b’kollox tħallsu madwar $25 miljun fi tbagħbis.

AQRA: Attriċi ta’ Desperate Housewives tispiċċa l-ħabs

Huffman diġà weħlet 14-il jum ħabs, 250 siegħa ta’ xogħol komunitarju u sena superviżjoni wara li toħroġ mill-ħabs, apparti l-multa ta’ $30,000!

Iżda għal Loughlin l-istorja tista’ tkun ferm differenti. Dan għaliex meta Huffman bdiet tiġi investigata, hi mill-ewwel ammettiet il-ħtija tagħha u kkoperat mal-Awtoritajiet.

Hemm ukoll id-differenza fl-ammont ta’ flus li tħallsu. Huffman ħallset $15,000 biex jitbgħabsu r-riżultati tal-eżamijiet ta’ wliedha filwaqt li Loughlin u żewġħa Mossimo Giannulli ħallsu $500,000.

L-investigazzjonijiet f’dan il-każ għadhom għaddejjin u peress li Loughlin u żewġħa għadhom ma ammettewx l-akkużi, il-każ mistenni jibda’ jinstema’ fil-qorti u flimkien ma’ ġenituri oħra li huma suspettati f’dan l-iskandu, se jkunu qed jiffaċċjaw sentenza itwal fil-ħabs minn dik ta’ Huffman.