Lord Adder jirritornaw fix-xena mużikali

Ritratt: Facebook/LordAdder

Wara assenza ta’ 15-il sena l-grupp Malti Lord Adder se jkun qed jerġa’ jirritorna fix-xena mużikali. Nhar it-22 ta’ Novembru huma se jkunu qed iwasslu l-mużikali ġdida tagħhom f’The Garage f’Ħaż-Zebbuġ.

L-aħbar intlaqgħet tajba fuq il-mezzi soċjali u bosta huma ħerqana biex jisimgħu l-materjal il-ġdid li dan il-grupp se jkun qed iwassal fiż-żmien li ġej.

Lord Adder kien iffurmat fl-1992 minn Mark Spiteri (kitarra), Norbert Camilleri (keyboards) u Ray Micallef (drums). Darren Mercieca ingħaqad magħhom ftit snin wara.

Taw kunċerti f’Malta kif ukoll f’Londra f’postijiet bħal The Marquee u The Garage. Kienu wkoll is-supporting act fil-kunċerti ta’ Black Sabbath (Awwissu 1995), Iron Maiden (1996), Saxon (Settembru (1996) u Smokie (Settembru 1999).

Irrekordjaw erba’ albums: Hemlock, Behind Closed Doors, Site of Evidence u No Sweat, b’dan tal-aħħar qatt ma nħareġ b’mod uffiċjali.

Fl-2004 l-membri tal-grupp ddeċidew li jinfirdu biex minflok setgħu jiffukkaw fuq proġetti oħra tagħhom.

15-il sena wara Lord Adder ġejjin lura bi tnejn mill-membri oriġinali Mark Spiteri u Ray Micallef, waqt li se jkunu qed jingħaqdu magħhom Charlie Muscat u Robert Tomasuolo.