​Lopetegui jħabbar it-23 plejer li sejrin ir-Russja

Lopetegui

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Spanjol, Julen Lopetegui, għażel l-iskwadra li se tipprova tirbaħ l-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja wara s-suċċess li kienet kisbet fl-2010.
L-Ispanjoli jinsabu fi Grupp B u mistennija jilagħbu kontra l-Portugal, l-Iran u l-Marokk. Bosta plejers rinomati, fosthom Alvaro Morata u Marcos Alonso ta’ Chelsea u Hector Bellerin ta’ Arsenal, tħallew barra mis-selezzjoni.
Morata kellu bidu ta’ staġun tajjeb mat-tim Ingliż iżda l-wirjiet tiegħu ma baqgħux l-istess minn wara Jannar. Minkejja li skorja 5 gowls fil-fażi tal-kwalifikazzjoni, Lopetegui jemmen li Diego Costa, Rodrigo Moreno u Iago Aspas kellhom staġun ferm aħjar minn dak ta’ Morata.
Il-plejer ta’ 25 sena, skorja 15-il gowl fi 48 logħba iżda numru ta’ injuries u l-wasla fit-tim ta’ Oliver Giroud matul l-aħħar suq tat-trasferimenti żammewh milli jilgħab b’mod regolari.