Aġġornata: Diversi persuni mejta wara li blokka ta’ appartamenti ħadet in-nar f’Londra

Matul il-lejl li għadda blokka ta’ appartamenti f’Londra ħadet in-nar biex nies li joqogħdu fis-sulari ta’ fuq jispiċċaw maqbuda fi djarhom.
Skont l-aħħar informazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet f'Londra diversi persuni tilfu ħajjithom għalkemm in-numru eżatt għadu mhux magħruf. 
Intant madwar 50 persuna qed jingħataw il-kura fl-isptarijiet minħabba "ġrieħi varji."
Madwar 200 ħaddiem tat-tifi tan-nar u 40 fire engine kienu fuq il-post, f’Latimer Road, biex jikkontrollaw in-nirien li bdew għal ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ dalgħodu (ħin ta’ Malta).
Persuni li kienu fuq il-post u li tkellmu mal-BBC qalu li diversi persuni nqabdu ġo djarhom tant li residenti bdew jixgħelu l-mowbajls u t-torċijiet biex il-ħaddiema tas-salvataġġ ikunu jistgħu jarawhom, b’uħud minnhom jinstemgħu jgħajtu għall-għajnuna.
Minkejja dan ħaddiema tat-tifi tan-nar ma setgħux jitilgħu f’dawn is-sulari, mhux biss għax in-nirien huma qawwija iżda anke għax hemm biżgħa li l-binja tista’ ċċedi minn ħin għall-ieħor.