Aġġornata bir-ritratti: Lokalitajiet bix-xita u oħrajn bix-xemx tisreġ

Mis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex bdew jesperjenzaw dik li qed titqies bħala l-ewwel xita dan is-sajf.

Għal xi ħin, filwaqt li f’ċertu lokalitajiet kienet niżla xita qliel, f’oħrajn kienet għadha qed tisreġ ix-xemx.  Iżda ftit wara l-10 ta’ dalgħodu, il-maġġorparti tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex inħakmu minn maltempati ta’ xita, ragħad u sajjetti. Fir-Rabat Malta niżel ukoll xi silġ.

Il-pulizija avżat lis-sewwieqa biex jevitaw il-mina ta’ Ħal Kirkop minħabba li qed jinġemgħu l-ilmijiet fl-inħawi tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Sadanittant, dalgħodu l-Korporazzjoni Enemalta, irċeviet diversi rapporti ta’ ħsarat f’diversi lokalitajiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta li qed jiġu maħkuma minn riħ qawwi u maltempati bir-ragħad.

Fi stqarrija l-Enemalta qalet li l-kundizzjonijiet tat-temp affetwaw il-provvista tal-elettriku fis-Siġġiewi, ir-Rabat, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija, il-Mistra u Selmun.

L-Enemalta sostniet li x-xogħlijiet ta’ tiswija jistgħu jsiru biss meta ma jkunx hemm periklu għall-impjegati tagħha meta jbatti l-maltemp.

Minkejja l-maltemp, it-temperatura llum mistennija titla’ għal 30 grad celsius. 

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien qed jingħad li x-xita bir-ragħad kienet imbassra għal għada l-Ħamis.

 

Ritratti: Angie M Formosa / Robert Cauchi /Malta Diżastru Totali / Amy Theuma