Logo ġdid għall-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija

Read in English.

Il-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM) twaqqaf wara li ġie approvat unanimament l-Att dwar ir-Rikonoxximent tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija Att Nru XVII tal-2016, biex jidderiġi, jiżviluppa, u jippromowvi l-Lingwa tas-Sinjali Maltija bħala waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Malta.

Il-Kunsill issa għandu logo, riżultat ta’ kompetizzjoni tad-disinn organizzata bejn il-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija u l-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-MCAST. Il-logo jikkonsisti f’linja ħamra ta’ id li qed tifforma l-ittra ‘K’ bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, bil-kliem ‘Kunsill’ u ‘Lingwa tas-Sinjali Maltija’ fuq u taħt l-ittri kbar ‘LSM’, kif ukoll bi kwart tas-Salib Malti ‘mincottjat’ fil-biċċa ta’ fuq tal-ittra M.

Panel imwaqqaf apposta kellu biċċa xogħol iebsa jagħżel minn ħmistax-il disinn sottomessi. Wara proċess ta’ ivvutar strettament anonimu, id-disinji ta’ Josmar Azzopardi u Kyle Curmi ġew ivvutati rebbieħ u runner-up rispettivament u huma ġew mogħtija l-premijiet tagħhom fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill.

F’kumment dwar il-proċess, is-Sinjura Annabelle Xerri, President tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, qalet li “kienet esperjenza sabiħa ħafna ta’ koperazzjoni bejn diversi setturi tas-soċjeta Maltija” u espremiet it-tama li fil-futur iktar inizjattivi tal-Kunsill isibu l-istess sapport.

Il-Kunsill jixtieq jirringrazzja lil Assoċjazzjoni tal-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, lil Għaqda tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ, u lil artist is-Sur Matt Demarco għax-xogħol tagħhom fil-panel. Jirringrazzja ukoll lis-Sur Christopher Aquilina mill-MCAST, li appoġġja dan il-proġett mill-ewwel. Fl-aħħar, il-Kunsill jirringrazzja lil Heritage Malta, kif ukoll lil Tim Ripard u Chris Ripard li sponsorjaw il-premijiet.