Logo ġdid għad-Dar tal-Providenza li jirrifletti l-valuri moderni dwar diżabilità

L-Arċisqof Pawlu Cremona ppreżenta trofew lil Sean Cini, ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni ta’ disinn ta’ logo ġdid għad-Dar tal-Providenza, li beda jintuża hekk kif id-Dar qed tħejji ruħha għall-50 Anniversarju mit-twaqqif tagħha f’Settembru 1965.
Fl-okkażjoni ngħataw ukoll ċertifikati lil dawk li ħadu sehem fil-kompetizzjoni.
Monsinjur Arċisqof qal li l-Knisja permezz tad-Dar tal-Providenza rat li l-persuni b’diżabilità f’Malta jinħarġu fil-beraħ u jiffurmaw parti mis-soċjetà. Illum il-pajjiż jagħraf li għandu jiffoka fuq l-abbiltà tal-persuna milli fuq id-diżabilità.
Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li “Illum nitkellmu fuq il-mudell soċjali tad-diżabilità fejn narawha bħala differenza”.  
Żied jgħid li llum nisħqu li l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità tista’ titjieb biss jekk tinbidel l-attitudni tas-soċjetà u mhux jekk l-individwu jbiddel lilu nnifsu.
Hu għalhekk li llum naċċettaw il-fatt li m’għandna l-ebda dritt li niddominaw il-ħajja ta’ persuna b’diżabilità bid-deċiżjonijiet tagħna. Qal ukoll li jemmen li l-logo il-ġdid jirrifletti dan u xtaq jifraħ lil Sean Cini li rnexxielu joħroġ dan kollu fid-disinn frisk tiegħu.
Cini, ta’ 26 sena, huwa artist żagħżugħ li jispeċjalizza f’xogħlijiet tal-arti semi-astratti u espressjonisti. Jaħdem fid-Dipartiment tal-Marketing tal-MaltaPost bħala Graphic Designer.