Aġġornata: Logħob tan-nar jikkawża dewmien f’xi titjiriet

Ħames titjiriet ittardjaw biex iħallu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minħabba l-logħob tan-nar marbut mal-festa ta’ Santa Marija.
Dawn kienu żewġ titjiriet tal-Easyjet li kienu se jħallu Malta lejn Gatwick u Manchester, tnejn tar-Rynair li kienu sejrin Edinburgh u Birmingham u titjira tal-British Airways lejn Gatwick. Dawn telqu ftit tal-ħin ilu.
Apparti minn hekk kien hemm titjira oħra tal-Lufthansa li kellha tħalli Malta lejn Frankurt u li ttardjat mhux minħabba l-murtali iżda minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp fid-destinazzjoni.
Kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjegat ma' Newsbook.com.mt li din hija miżura normali li tittieħed bħala prekawzjoni u biex tkun protetta s-sigurtà u s-saħħa tal-passiġġera.
Minkejja dan saħqet li ma kien hemm l-ebda “impatt kbir” fuq l-operat tal-ajruport.
Spjegat ukoll li f’dawn il-każi, l-ajruport ikun qed juża runway waħda għall-wasliet biss u runway oħra tintuża għat-tluq.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Ritratt: Ian Noel Pace