Logħob biċ-ċaqlembuta fuq il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku

Tfal u kbar fuq iż-żewġ naħat ta’ fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku setgħu jilagħbu flimkien fuq ċaqlembuti li kienu nstallati temporanjament  fuq il-ħajt li jifred liż-żewġ pajjiżi.

Dawn il-ġugarelli miżbugħa roża saru minn żewġ akkademiċi li riedu juru li “l-azzjonijiet li jseħħu fuq naħa waħda jkollhom konsegwenza diretta fuq in-naħa l-oħra.” Kienu l-idea ta’ Ronald Rael, professur tal-arkitettura fl-Università ta’  Kalifornja u Virginia San Fratello, professur tad-Disinn fl-Università ta’ San Josè. Semmewha Teeter-Totter Wall u ħarġu biha 10 snin ilu imma wżawha din il-ġimgħa. Iż-żewġ professuri li fasslu ċ-ċaqlembuti sostnew li ħarġu bl-idea biex juru b’mod umoristiku kemm hu għal xejn li jinbew barrieri.

Ċittadini Amerikani u Messikani dehru ferħana ħafna jidħku u jilagħbu, mifrudin minn ħajt, b’uffiċjali Amerikani tas-Sigurtà tal-Fruntiera jħarsu lejhom.

Iċ-ċaqlembuti ttieħdu f’Sunland Park fl-Istat ta’ New Mexico fejn fiha hemm ħajt magħmul minn strixxi tal-azzar.