“Logħba ovvja ta’ relazzjonijiet pubbliċi” u attentat biex tiżdied iż-żona mibnija bil-moħbi – Moviment Graffitti

Il-Moviment Graffitti kkritika l-pjanijiet riveduti tal-Grupp db għall-proġett ta’ City Centre, u ddeskriva dawn ir-reviżjonijiet bħala “logħba ovvja ta’ relazzjonijiet pubbliċi” u attentat sabiex iż-żona mibnija tiżdied bil-moħbi.

Fi stqarrija l-Moviment Graffitti qalet li d-disinni l-ġodda tad-DB qegħdin jippruvaw jaħbu l-fatt li l-iżviluppaturi jridu jżidu ż-żona mibnija ta’ madwar tliet sulari għal użu residenzjali, u dan inaqqas iktar l-ispazji miftuħa. Żiedu li, “huwa ċar li l-oppożizzjoni mifruxa għal dan il-proġett min-naħa tar-residenti ġiegħlet lid-db ibiddlu l-pjanijiet tagħhom, iżda minkejja dak li qed jippruvaw juruna, l-iżviluppaturi baqgħu bl-intenzjoni li jkomplu jnaqqru l-kwalità tal-ħajja tagħna.”

Il-Moviment Graffiti qalet li filwaqt li l-attivisti jirrikonoxxu li l-pjanijiet il-ġodda jinvolvu bini inqas għoli, il-Moviment Graffitti innotat li l-volum totali tal-proġett baqa’ ma nbidilx għax il-gupp db għażlu li jibnu żewġ torrijiet minflok wieħed, u dan mhux se jnaqqas l-inkonvenjenzi kbar u fit-tul li se jsofru l-lokalitajiet ta’ Pembroke, Swieqi, San Ġiljan, Madliena, u r-residenti tagħhom.

Fl-istqarrija komplew jispjegaw li l-impatt vertikali tal-proġett ma kienx l-uniku raġuni għall-oġġezzjonijiet li tressqu kontra l-proġett u apparti l-għoli, ir-residenti huma mħassba dwar il-volum tal-attività li se jkun iġġenerat fiż-żona.

Il-Moviment jinnota wkoll li ma hemm ebda restrizzjonijiet dwar il-possibilità li fil-futur jiżdied l-għoli tal-bini. Komplew li din il-lakuna legali ppermettiet lill-iżviluppatur Joseph Portelli japplika sabiex iżid l-għoli tat-torri tal-Mercuy House.

Minbarra l-impatt aggressiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq is-siti tan-Natura 2000, hemm tħassib persistenti dwar l-infrastruttura fiż-żona, li mhijiex xierqa għal żvilupp ta’ din is-sura sostnew il-Moviment. Huma qalu li jinsabu mħassbin ukoll dwar it-trasparenza tad-deċiżjoni tal-Gvern li jibni mina li twassal għall-iżvilupp, u li se tiġi ffinanzjata mill-kontribwenti bħala rigal lid-db.

Dan il-proġett ta’ ITS-DB ġabar ‘il fuq minn ħmistax-il elf oġġezzjoni tul it-tliet perjodi ta’ rappreżentazzjoni li nżammu tul l-aħħar tliet snin. L-akbar oppożizzjoni kienet min-naħa ta’ residenti, tliet kunsilli lokali kif ukoll mill-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u bosta NGOs. F’rapport li ġie ppubblikat is-sena l-oħra, l-Awditur Ġenerali kkundanna u sab provi ta’ irregolaritajiet fit-trasferiment tal-art lil DB Group.

Il-Grupp db iddeċieda li jnaqqas l-għoli tal-proġett tal-bini fil-Bajja ta’ San Ġorġ bin-nofs minkejja li ma kelli l-ebda ollibagazzjoni. Fl-aħħar pjanti li ġew preżentati fis-6 ta’ Diċembru wrew li l-għoli massimu naqas minn 31 sular għall-17-il sular. Il-proġett li se jiswa madwar €300 miljun se jkun jikkonsisti f’żewġ torrijiet ta’ 17-il sular u lukanda ta’ 12-il sular. Il-pjan oriġinali kien jikkonsisti f’żewġ torrijiet.

Meta l-Grupp db ġie mistoqsi għala biddel il-pjanijiet, kelliem għall-grupp qal li taw widen għall-opinjoni tal-pubbliku u żied li l-għoli tal-proġett kienet l-iktar punt li ssemmiet u għalhekk ġie deċiż li l-għoli jitnaqqas bin-nofs.