Logħba futbol inter-reliġjuża għall-paċi

L-eks-plejer u idolu tal-Interisti u tal-Arġentini Javier Zanetti, ħabbar li se jieħu sehem f’logħba ta’ ħbiberija inter-reliġjuża għall-paċi.
Zanetti li hu Kattoliku se jingħaqad mal-eks-plejer Taljan Roberto Baggio li hu Buddist u ma’ Zinedine Zidane li hu Musulman iżda jaċċetta r-reliġjonijiet l-oħra tant li l-mara tiegħu hi Nisranija.
F’din il-logħba hekk imsejjħa inter-reliġjuża se jieħdu sehem ukoll Lionel Messi, Francesco Totti, Gianluigi Buffon u jaf jieħu sehem ukoll il-kowċ Portugiż Jose Mourinho.
Zanetti, ġie magħżul biex jorganizza din il-logħba simbolika u sinjifikanti flimkien mal-Akademja Pontifiċja għax-Xjenzi Soċjali.
Zanetti ħabbar li fuq ix-xewqa ta’ Papa Franġisku, din il-logħba se tintlagħab fl-Istadjum Olimpiku ta’ Ruma, nhar it-Tnejn l-1 ta’ Settembru li ġej.
Din se tkun opportunità li jinħoloq djalogu reliġjuż u li tikber il-paċi fid-dinja, permezz tal-logħba li tgħaqqad id-dinja bħalma hi l-futbol.
Zanetti stieden ukoll aktar plejers internazzjonali biex jingħaqdu għal dan l-għan simboliku mibni fuq l-għaqda u r-rispett.
Fi kliem Zanetti, dawk li għandhom ideat differenti minn tiegħu mhumiex għedewwa imma jistgħu jgħinuh fil-kobor tal-personalità tiegħu stess.