Lockdown totali immedjat – 8 assoċjazzjonijiet fis-settur tas-saħħa

Aġġornat 02:11 PM
Unsplash

Read in English.

8 assoċjazzjonijiet fis-settur tas-saħħa qed jappellaw lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jimponi lockdown totali fuq vjaġġar b’effett immedjat biex il-COVID-19 ma jkomplix jinfirex.

Barra minn hekk, qed jappellaw ukoll biex jitwaqqfu immedjatament it-titjiriet kollha mill-pajjiżi Ewropej u pajjiżi oħra fejn fl-aħħar 14-il jum kien hemm it-trażmissjoni lokali tal-coronavirus.  Dawn il-pajjiżi jinkludu l-Olanda, il-Belġju, l-Awstrija u l-Ingilterra.

It-tmien assoċjazzjonijiet huma l-Assoċjazzjoni Maltija għar-Radjoloġisti (MARNP), l-Assoċjazzjoni tal-Anestetisti (AAM), l-Assoċjazzjoni tal-Emerġenza (AEPM), l-Assoċjazzjoni għall-Kirurgi (ASM), l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familji, il-Kulleġġ għall-Obstetriċi u Ginekologi (MCOG), l-Assoċjazzjoni għall-Oftalmologi (MAO), u l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Pedjatrija (MPA).

“Il-pajjiż għandu quddiemu żewġ għażliet” – UĦM

Intant, il-UĦM ukoll għamel proposta simili fejn talbet għal lockdown preventiv sabiex il-virus ma jinxtiridx. Fi stqarrija, il-UĦM sostniet li l-pajjiż illum għandu quddiemu żewġ għażliet: li jagħmel lockdown meta jasal f’każ ta’ emerġenza meta l-virus jibda jiġi trasmess minn persuna għall-oħra lokalment, jew li jagħmel lockdown preventiv sabiex il-virus jieqaf jinxtered.

Il-UĦM – Voice of the Workers qed titlob li l-għażla tkun it-tieni waħda, fejn il-lockdown jidħol fis-seħħ mill-aktar fiss possibbli, ħlief għall-provvedimenti tas-servizzi essenzjali. L-unjin qed tinsisti wkoll li l-lockdown jgħodd bħala kwarantina u l-paga kollha tal-ħaddiema għandha tiġi mħallsa.

Il-UĦM qalet li kkomunikat mal-postijiet tax-xogħol u infurmathom biex ikunu konsultattivi u jikkomunikaw fuq kull bidla li ssir. Qalet li fin-nuqqas ta’ dan, l-unjin tasal li tieħu azzjonijiet industrijali. Intant qalet li hemm każijiet fejn ħaddiema mhux qed jingħataw il-protezzjoni meħtieġa, inkluż tagħmir protettiv. Qalet li fin-nuqqas ta’ dan kollu, se tieħu passi biex tiġi assigurata din il-protezzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn