Lockdown parzjali fl-Olanda

Rene Cortin

Read in English.

L-Olanda se terġa’ lura għal “lockdown parzjali” nhar l-Erbgħa, skond il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte, filwaqt li sejjaħ biex jingħalqu l-bars u r-ristoranti hekk kif il-pajjiż qed jissielet biex jikkontrolla l-coronavirus f’waħda mill-hotspots ewlenin tal-Ewropa.

“Illum qed inħabbru miżuri ġodda u b’saħħithom li fil-fatt ifissru li se mmorru f’lockdown parzjali,” qal Rutte f’konferenza tal-aħbarijiet fuq it-televiżjoni. Huwa qal li mhux se jkun jista’ jkun hemm iżjed minn erba’ persuni f’daqqa fil-pubbliku filwaqt li l-bejgħ tal-alkoħol filgħaxija se jkun ipprojbit ukoll.

L-iskejjel se jibqgħu miftuħin u t-trasport pubbliku se jibqa’ jaħdem, b’kuntrast ma’ miżuri imposti waqt il-lockdown parzjali li kien sar aktar kmieni din is-sena.

Il-miżuri se jdumu mill-inqas erba’ ġimgħat, u wara ġimgħatejn se ssir reviżjoni ta’ l-impatt ta’ dawn l-istess miżuri. Jekk jirriżultaw ineffettivi, kapaċi jiddaħħlu restrizzjonijiet iżjed iebsa, qal il-Ministru tas-Saħħa Hugo de Jonge.

Il-miżuri mħabbra nhar it-Tlieta jinkludu wkoll li l-ilbies ta’ maskri tad-drapp li issa sar obbligatorju għall-persuni ta’ 13-il sena jew aktar, fi spazji magħluqa. Sa massimu ta’ 30 persuna se jitħallew jiġbru f’postijiet magħluqa filwaqt li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet se jkunu mnaqqsa.

In-numru ta’ każijiet f’dan il-pajjiż ta’ 17-il miljun żdied fl-aħħar ġimgħat għal rekord ta’ kuljum ta’ kważi 7,400 reġistrat nhar it-Tlieta. Issa l-pajjiż għandu waħda mill-ogħla rati ta’ infezzjoni per capita mad-dinja kollha.

Il-gvern ta’ Rutte ma tantx xtaq jerġa’ jimponi restrizzjonijiet iktar iebsin li jistgħu itellfu milli l-ekonomija fraġli terġa’ tirkupra, iżda kien taħt pressjoni minn esperti tas-saħħa biex tittieħed azzjoni li tevita li s-sistema tal-kura tas-saħħa jkollha titgħabba ż-żejjed.

Filwaqt li ħafna mill-ġirien Ewropej imponew restrizzjonijiet obbligatorji, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-Olandiżi żammew mal-linji gwida volontarji, fosthom fl-ilbies tal-maskra.

Għaldaqstant Rutte qal li jekk ikun hemm bżonn, il-gvern kapaċi jgħaddi liġijiet urġenti sabiex l-użu tal-maskra jsir obbligatorju, u reġa’ ħeġġeġ liċ-ċittadini kollha biex jevitaw vjaġġar mhux essenzjali.