Lockdown ieħor fl-Ingilterra mhux eskluż – espert tal-Gvern

UK-lockdown-commons-
Kwh1050 - WikiCommons

Read in English.

L-Ingilterra mhux qed teskludi lockdown nazzjonali ieħor hekk is-sitwazzjoni fil-pajjiż laħqet “punt pjuttost prekarju” b’żieda qawwija fl-infezzjonijiet tal-coronavirus. Dan sostnih espert u konsulent ewlieni tal-Gvern il-Ħadd li qal li lockdown ieħor kien “possibbiltà”.

Peter Horby – li jagħti pariri lill-Gvern dwar mard respiratorju qal lill-BBC li l-isptarijiet lokali fl-aktar żoni milquta fit-Tramuntana tal-Ingilterra bdew iħossu l-pressjoni ta’ dik li tista’ tkun it-tieni mewġa.

“Il-każijiet qed jirduppjaw f’perjodu ta’ tmint ijiem sa ħmistax, li jfisser li mhux se ndumu wisq ma nimlew is-sodod kollha tal-kura intensiva u nispiċċaw f’sitwazzjoni diffiċli ħafna. Qed nibża’ li mhux se ndumu ma jkollna nagħmlu għażliet diffiċli u naġixxu malajr ħafna”, żied jgħid. 

“In-numri xejn m’huma sbieħ”, sostna Horby, li rrimarka li anke n-numru ta’ mwiet reġa’ beda jiżdied. 

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson mistenni jħabbar restrizzjonijiet ġodda matul il-ġurnata tal-lum wara diskussjonijiet mal-membri tal-Kabinett.