Lockdown f’Ċipru minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli

“Din l-imġiba tesponi lill-popolazzjoni kollha għal periklu mortali”

Reuters

Il-President ta’ Ċipru, Nicos Anastasiades ħabbar miżuri iebsa bla preċedent inkluż restrizzjonijiet fiċ-ċaqliq ta’ persuni u l-għeluq ta’ postijiet pubbliċi, hekk kif il-gvern jaħdem biex iwaqqaf il-firxa tal-coronavirus, li s’issa laqat lil 155 persuna fuq din il-gżira.

“Firxa mingħajr kontroll tal-każijiet se jwassal għall-kollass tas-sistema tas-saħħa, li ma tistax tlaħħaq mal-ħtiġijiet kollha li jistgħu jinqalgħu, irrispettivament minn kemm hija tajba l-istruttura,” qal matul konferenza fuq it-televiżjoni nhar it-Tnejn filgħaxija.

“Ma nistax nimmaġina li nistgħu naslu f’sitwazzjoni bħal dik li għaddew minnha l-Italja u Spanja, fejn it-tobba kellhom jagħżlu min se jgħix u min se jitħalla jmut waħdu.”

Il-President qal li minkejja miżuri preċedenti, is-sagrifiċċju ta’ eluf ta’ ħaddiema, it-tbatija li għaddejjin minnha ġenituri u ulied li kellhom jibqgħu barra l-pajjiż, parti mill-pubbliku xorta waħda wera nuqqas ta’ dixxiplina, rispett, responsabilità u solidarjetà ma’ ċittadini oħra.”

“Din l-imġiba tesponi lill-popolazzjoni kollha għal periklu mortali,” żied jgħid, b’referenza għal xeni ta’ parks mimlija bin-nies nhar il-Ħadd, minkejja l-appell tal-gvern biex in-nies jibqgħu fi djarhom.

Bħala parti mill-miżuri ġodda, il-gvern ipprojbixxa ċaqliq mhux meħtieġ mis-6:00 ta’ filgħaxija nhar it-Tlieta sat-13 ta’ April, sakemm dan ma jkunx marbut ma’ impjieg, xiri ta’ provvisti, żjarat għand it-tabib jew l-ispiżerija, jew żjarat fil-banek jekk ma tkunx possibbli transazzjoni onlajn. Persuni li jipprovdu assistenza lil gruppi vulnerabbli huma eżenti mill-miżuri, kif huma wkoll qraba li jattendu funeral, żwiġ jew magħmudija, sakemm dawn ma jkunux aktar minn 10 persuni.

Hu permess ukoll l-eżerċizzju fiżiku u li jitmexxew il-klieb, sakemm dawn ma jkunux aktar minn żewġ persuni, u jibqgħu fiż-żona madwar ir-residenza tagħhom. Kull min joħroġ irid iġorr miegħu karta tal-identità jew passaport, u prova addizzjonali dwar ir-raġuni għalfejn qegħdin barra.

Minn nhar it-Tlieta fis-6:00 ta’ filgħaxija sat-13 ta’ April, il-gvern se jagħlaq parks, żoni ta’ rikreazzjoni, faċilitajiet ta’ sports, postijiet pubbliċi – inkluż pjazez, żoni tal-pikniks, bajjiet, marinas, swieq miftuħa u bazaars. Żjarat fi knejjes, moskej u postijiet oħra reliġjużi huma wkoll ipprojbiti.

Il-bejjiegħa kollha se jwaqqfu l-operat tagħhom, ħlief dawk inklużi f’ordni tal-Ministeru tas-saħħa. Dawn jinkludu kumpaniji li jbigħu tagħmir għal persuni b’diżabilità, apparat mediku, tobba tal-għajnejn, fornituri tal-apparat għas-smigħ, garaxxijiet, ħwienet tat-tajers u tar-roti, dry cleaners, servizzi ta posta, kumpaniji ta’ telekomunikazzjoni – ħlas ta’ kontijiet u tiswija – bejjiegħa tal-karozzi, ħwienet tal-fjuri, kumpaniji tal-funerali. In-negozji kollha jistgħu jikkummerċjaw onlajn u jagħmlu kunsinni.

L-ordni tal-għeluq tinkludi wkoll siti tal-kostruzzjoni, minbarra dawk marbuta ma’ utilitajiet pubbliċi. It-tradizzjoni tal-ħġejjeġ tal-Għid ġiet imħassra wkoll, u kwalunkwe ‘fjuwil’ miġbur miż-żgħażagħ se jinġabar mill-awtoritajiet lokali u mill-pulizija.

Aktar kmieni nhar it-Tnejn, l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Ċipru (Cyma) kienet talbet lill-gvern biex jimponi projbizzjoni totali fuq l-ivjaġġar mhux meħtieġ, biex titwaqqaf il-firxa tal-coronavirus “qabel ma jkun tard wisq.”

Cyma qalet li l-gvern kellu bżonn jieħu miżuri aktar stretti, anke lockdown totali temporanju “mingħajr dewmien”, biex titwaqqaf il-firxa mingħajr kontroll tal-virus, l-aktar minn każijiet li ma jurux sintomi. L-aġenzija kompliet tgħid li “huwa assolutament neċessarju li jingħata appoġġ sħiħ lis-servizzi u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa.”

Il-kumitat konsultattiv għall-Ministeru tas-saħħa wkoll kien qed jiddiskuti l-projbizzjoni totali fuq vjaġġar mhux meħtieġ, iddikjara kumitat immexxi minn Dr Erini Christaki.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn