Lloyds jixtri lura l-ishma

Lloyds Banking Group ħabbret li se tixtri madwar biljun sterlina lura f’ishma tagħħa, fi tweġiba ċara għal xnigħat ta’ diffikultajiet marbuta mal-ħtiġijiet ta’ kapital li kienu nqalgħu wara l-istress tests annwali tas-sena li għaddiet.
Daż-żmien sena, il-kumpanija kienet ħabbret l-għoti ta’ imgħax addizzjonali lill-azzjonalisti tagħha. Fix-xhur li għaddew, Llyods iddiżappuntat lill-azzjonisti bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ kapital minħabba l-akkwist riċenti tan-negozju tal-credit cards mingħand MBNA.
Fir-riżultati tas-sena li għaddiet, il-kumpanija mistennija tħabbar żieda żgħira fid-dħul u profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ £5.7bn. Ix-xiri lura ta’ l-ishma huwa xhieda tas-suċċess li l-bank irnexxilu jagħmel wara li kien irċieva bailout waqt il-kriżi finanzjarja.
Analisti ta’ Credit Suisse bassru li Lloyds mistennija tgħaddi mal-15-il biljun sterlina lura lill-azzjonisti fuq perjodu ta’ tliet snin, barra minn imgħax ta’ 3p kull sehem. Fl-istess nota, Credit Suistte ibassu li Lloyds se żżid il-mira tagħha għal kapital ta’ riserva għal 14%.
Lloyds Banks huwa wieħed mill-eqdem istituzzjonijiet finanzjarji fir-Renju Unit, li twaqqaf aktar minn 250 sena ilu.
Diżappunt għall-investituri ta’ Angry Birds

L-ishma ta’ Rovio, il-kumpanija li tipproduċi l-logħba li għamlet success enormi madwar id-dinja Angry Birds, niżlu aktar minn 20% din il-ġimgħa wara l-pubblikazzjoni ta’ riżultati finanzjarji meqjusa bħala diżappuntanti. Rovio hija kwotata fuq il-Borża ta’ Ħelsinki.
Il-kumpanija Finlandiża filfatt ħabbret li l-bejgħ tagħha kiber b’40% fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet, iżda l-ispejjeż żdiedu wkoll, b’investiment ta’ 22 miljun ewro fuq reklamar intiż li jattira utenti ġodda. Din in-nefqa kienet ta’ erba’ darbiet aktar mill-istess perjodu s-sena ta’ qabel, u li allura tat daqqa ta’ ħarta kbira lill-profitti tal-kumpanija.
Dan wassal biex sat-tielet kwart tas-sena Rovio rreġisrat telf ta’ nofs miljun ewro, meta mqabbel ma’ profitt ta’ 4.6 miljun is-sena ta’ qabel. Dan wassal għal diżappunt fost l-investituri, iżda mhux kulħadd kien tal-istess parir: oħrajn sostnew li f’dan il-każ hu kruċjali għall-istrateġija fuq medda itwal ta’ żmien li Rovio tattira aktar utenti.
B’kollox Angry Birds tniżżlet aktar minn 3.7 biljun darba. Tħassib ieħor tal-investituri huwa fuq il-ħila ta’ Rovio li tiżviluppa logħob ġdid bl-istess success tagħha. Dan ġara wkoll lilll-kumpaniji oħrajn, bħal King Digital Entertaiment (il-moħħ wara Candy Crush) u Zynga (li produċiet Farmville) li ma rnexxilhomx jiżviluppaw logħob popolari ieħor u tilfu miljuni ta’ utenti. Fil-każ ta’ Zynga, il-valur tal-ishma niżel taħt l-$4 dollari minn aktar minn $10 fl-eqqel tal-suċċess ta’ Farmville.
Iċ-Ċiniżi jrażżnu n-nefqa fil-futbol

Fl-aħħar ftit staġuni tal-futbol, bidla kbira fis-suq tat-trasferimenti rriżultat mill-ispejjeż enormi li ħallsu l-klabbs Ċiniżi biex attiraw plejers lejn il-kampjonat t’hemmhekk. L-akbar trasferiment kien dak tal-Arġentin Carlos Tevez, li ta’ 32 sena ngħaqad mat-tim ta’ Shanghai għal kuntratt ta’ 37 miljun dollaru kull staġun. Il-klabbs Ċiniżi fl-aħħar żewġ staġuni ħallsu miljuni kbar għal bosta players, diversi fl-aħħar snin tal-karriera tagħhom.
Iżda dan kollu issa jidher li se jieqaf ħesrem dwar li l-pajjiż introduċa restrizzjonijiet fuq l-importazzonijiet ta’ plejers tal-futbol kif ukoll ħtieġa li nofs it-tim ikun ffurmat minn plejers lokali. L-assoċjazzjoni tal-futbol, li hija kkontrollata mill-Gvern, introduċiet taxxa ta’ 100% fuq it-trasferimenti ta’ aktar minn 7 miljun dollari, bl-għan li tagħti aktar spazju lill-plejers lokali speċjalment dawk żgħażażgħ. Il-futbol fiċ-Ċina kiber sew fil-popolarità tant li fl-istaġun li għadda aktar persuni raw logħob tal-għola diviżjoni hemmhekk milli fl-Italja.
Dan wassal biex filwaqt li fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar, din is-sena l-klabbs Ċiniżi nefqu “biss” 86 miljun dollaru, ferm anqas min-nofs biljun li nefqu fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Filfatt, l-aktar trasferiment għali kien tal-eks-plejer ta’ Liverpool u Barcelona, Javier Mascherano, li ngħaqad ma’ Hebei China Fortune għal ftit inqas minn 7 miljun dollaru – ftit inqas mil-limitu li jiskatta t-taxxa ta’ 100%.
Dan wassal għal tħassib fost l-investituri tal-futbol Ċiniż. Filfatt, din is-sena, id-drittijiet televiżivi tal-futbol Ċiniż inbiegħu għal 30% inqas. Iżda l-assoċjazzjoni tal-futbol tirribatti li l-ewwelnett dawn il-miżuri se jgħinu l-promozzjoni tas-settur taż-żgħażagħ iżda wkoll tissaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tal-klabbs. Is-sena li għaddiet, is-16-il klabb tal-għola diviżjoni, iċ-Chinese Super League, kollha rreġistraw telf.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.