Liza Minnelli kontra l-film dwar ommha Judy Garland

Renee Zellweger bħala Judy Garland

Għalkemm mhux se jkun qed jintwera waqt il-festival ta’ Cannes li se jsir bejn l-14 u l-25 ta’ Mejju, il-produtturi tal-film biografiku dwar Judy Garland għamlu mezz li joħorġu it-trailer ta’ dan il-film ftit jiem qabel ma jibda l-festival u ovvjament diġa beda jqajjem diskussjoni, minkejja l-fatt li fadal sas-27 ta’ Settembru biex joħroġ fiċ-ċinema fl-Istati Uniti, mbagħad fl-4 ta’ Ottubru biex joħroġ fir-Renju Unit.

Il-film, li jismu Judy, għandu lill-attriċi ta’ Bridget Jones Diary Renee Zellweger fil-parti tal-attriċi Judy Garland, protagonista ta’ ħafna films fosthom The Wizard of Oz.

Judy, bi produzzjoni tal-BBC Films, Pathe u Calamity Films qed jimmira li jkun fost il-films nominati għall-Oscars tal-2020. Ħafna huma dawk li qed jistennew li jinħareġ dan il-film, iżda mhux l-istess jista’ jingħad għal bint Garland, l-attriċi Liza Minnelli, li llum għandha 73 sena.

Ritratt: Judy Garland (1922 – 1969) ma’ bintha Liza Minnelli

Fl-ewwel kummenti tagħha wara li nħareġ it-trailer tal-film, Minnelli ma qagħditx tomogħdha u mill-ewwel tkellmet pubblikament fejn wriet id-diżapprovazzjoni tagħha għal dan il-film li jibda fl-1968, meta Garland kellha 47 sena, ftit xhur biss qabel ma’ mietet. Garland kienet marret Londra għal kunċert u tidher għajjiena hekk kfi ukoll fl-istess  waqt kienet qed tippjana l-ħames żwieġ tagħha.

Filwaqt li ħafna madwar id-dinja qed jistennew dan il-film li se jinkludi siltiet popolari bħal Somewhere Over The Rainbow, Liza Minnelli qalet li ma tapprovax dan il-film u li hi qatt ma kellha xi laqgħat mal-attriċi Renee Zellweger jew mal-produtturi tal-film biex jiddiskutu aspetti mill-ħajja ta’ ommha Judy Garland.

Judy hu biss wieħed mill-ħafna films biografiċi li qed jinħarġu bħalissa. Wara s-suċċess tal-film Bohemian Rhapsody dwar Freddie Mercury, Rocket Man dwar Elton John, Madonna & The Breakfast Club dwar Madonna, stennew għadd kbir ta’ films oħra, fosthom dawk dwar Aretha Franklin, Celine Dion, David Bowie u Dusty Springfield.