Liverpool jirbħu l-Premier League Ingliż bla ma lagħbu

Liverpool il-bieraħ rebħu l-Premier League Ingliż bla ma lagħbu wara li l-eqreb rivali tagħhom, Manchester City, tilfu kontra Chelsea 2-1. It-tim ta’ Jurgen Klopp riedu jirbħu logħba oħra biex jiksbu t–titlu imma t-telfa tas-City fissret li dawn qatt ma setgħu jilħquhom jew jgħadduhom fil-punti.

Ir-rebħ taċ-Championship fl-Ingilterra jfisser ħafna għal Liverpool wara li ilhom ma jirbħu xi unur kbir f’pajjiżhom 30 sena sħaħ. Għalhekk ma setax jonqos li fil-belt ta’ Liverpool il-bieraħ kien hemm xeni kbar ta’ ferħ fit-toroq: daqq ta’ ħornijiet, sparar ta’ murtali u ċelebrazzjonijiet quddiem il-grawnd tat-tim.

Jurgen Klopp, li kien qed jara l-logħba ta’ Manchester City fuq it-TV mat-tim tiegħu, wara li spiċċat il-logħba qal li ma kellux kliem biex ifisser il-ferħ li kien qed iħoss u ma setax jemmen dak li seħħ.

Matul it-30 sena li kienu ilhom bil-għatx biex jieħdu l-league, Liverpool għamlu użu minn 239 plejer, kellhom disa’ maniġers u nefqu £1.47 biljun.