Liverpool ikomplu fejn ħallew: jibqgħu fuq quddiem bi 13-il punt

It-tim li qiegħed fil-quċċata tal-klassifika tal-Premier League irnexxielu jagħmel sena mingħajr ma jitlef logħba. Liverpool bdew is-sena l-ġdid b’rebħa ta’ 2-0 kontra Sheffield United il-bieraħ ġewwa Anfield.

Il-fortuna għenithom biex kisbu gowl kmieni fil-logħba. George Baldock ta’ Sheffield żelaq u Andy Robertson ħataf l-opportunità biex għadda ballun tajjeb lil Mohamed Salah biex tefa’ l-ballun faċilment fil-lasta. Il-gowl wasal fir-raba’ minuta.

Sadio Mane għalaq il-logħba wara li rċieva ballun mingħand Salah.

B’hekk Liverpool baqgħu fil-quċċata tal-klassifika u żammew it-13-il punt distakk minn Leicester. Dawn tal-aħħar rebħu l-logħba tagħhom li ntlagħbet fl-ewwel tas-sena.

It-tim ta’ Jurgen Klopp tilfu biss żewġ punti s’issa minn total ta’ 60.