“Livell baxx ta’ intimidazzjoni” – il-PN dwar ONE TV

Il-Partit Nazzjonalista qal li ONE TV, l-istazzjon tal-Partit Laburista, waqa’ fl-livell baxx ta’ intimidazzjoni bla precedent hekk kif qal li l-preżentatur Karl Stagno Navarra attakka u xandar ismijiet ta’ ċittadini Maltin li b’mod ħieles esprimew opinjoni politika.

Il-PN ippubblika ritratt sfukat tal-bord miżmuma minn Karl Stagno Navarra li permezz tagħha, il-PN qal li “t-televizjoni ta’ Robert Abela instiga mibegħda fil-konfront ta’ ċittadini privati Maltin”.

L-istqarrija tal-PN tgħid ukoll li l-għada tal-World Press Freedom Day, ir-rigal li l-PM qed jagħti lil Malta hu li jestendi l-intimidazzjoni li toħnoq l-libertà tal-espressjoni fuq ċittadini privati.

Il-PN qal li dan huwa aġir anti-demokratiku intenzjonat biex jipprova jnissel biża fil-konfront ta’ ċittadini privati u l-familji tagħhom. Il-PN stqarr li jekk Robert Abela jaħseb li bil-midja tiegħu se jgħaddi romblu minn fuq persuni privati Maltin u Għawdxin li ma jħaddnux l-opinjoni politika tiegħu, l-ewwel irid jgħaddi minn fuq il-Partit Nazzjonalista.

Il-PN qal li ma jistax jemmen lil Robert Abela għaliex huwa mimli kontradizzjonijiet li fuq naħħa jgħid li huwa favur il-libertà tal-espressjoni u fuq naħħa jattakka persuni privati fuq l-istazzjon tal-PL għax esprimew ruħhom politikament.