Livell baxx fil-qari fost studenti Maltin minħabba problemi soċjali – Bank Dinji

Il-Bank Dinji wissa li l-maġġoranza tal-problema tal-qari fost l-istudenti Maltin ġejja minħabba familji bi problemi soċjali.
Madwar l-Ewropa kien hemm żieda fit-tagħlim u f’kemm l-istudenti kapaċi jieħdu t-tagħlim mogħti lilhom iżda ħareġ li r-rata ta’ tagħlim ogħla f’oqsma konjittivi ma kinitx tajba.
Ir-rapport jgħid li l-problema ġejja minħabba l-fatt li erba’ pajjiżi inluż Malta għandhom terz tal-istudenti ta’ 15-il sena li r-rata ta’ abbiltà fil-qari u fil-matematika hija inqas mil-livell bażiku.
Il-pajjiżi l-oħra, b’rata għolja bħal ta’ Malta huma r-Rumanija, l-Bulgarija u r-Repubblika Slovakka.
Ir-rapport jikkonkludi li dan il-livell baxx fil-qari joħroġ minħabba li fil-maġġoranza tal-każijiet ikunu tfal minn familji bi problemi soċjali.
Il-Bank Dinji jkompli jgħid li l-problema tiġi aggravata minħabba li f’Malta, Spanja u l-Portugall hemm rata għolja ta’ studenti li jitilqu mill-iskola ta’ età żgħira.
Il-medja ta’ din ir-rata fl-Ewropa qiegħda 11% filwaqt li Malta għandha l-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea dik ta’ 20%.
Aġġornata 04/04/2018
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-Bank Dinji jidentifika r-rata għolja ta' studenti Maltin li jitilqu kmieni mill-iskola bħala problema fundamentali.
Semma wkoll li apparti dan ir-rapport tal-Bank Dinji, diġà ħarġet riċerka dwar l-edukazzjoni li turi li turi li 18% biss tal-edukaturi Maltin jibqgħu jgħallmu jekk ikollhom opportunità ta' karriera oħra.
Dawn il-konklużjonijiet wasslu lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli jgħid li l-Ministru tal-Edukazzjoni mhux qed jinvesti fl-edukazzjoni lanqas billi jkompli l-programm tal-Gvern Nazzjonalista' li jibni skola ġdida kull sena.
F’reazzjoni għall-istqarrija tal-PN, il-Partit Laburista qal li jemmen f'diskussjoni serja fil-qasam tal-edukazzjoni u “mhux nofs kwotazzjonijiet qarrieqa u partiġġjani li għandhom l-għan li jpinġu stampa waħda.” Fi kliem il-PL, l-edukazzjoni f'Malta jixirqilha diskussjoni iktar serja minn politika partiġġjana li għandha l-iskop tkisser biss.
Ritratt: Arkivji