Filmat: Tajani kkritikat bl-aħrax għall-mod kif tmexxiet il-laqgħa ma’ Zuckerberg

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani ffaċċja kritika ħarxa mill-midja hekk kif intemmet il-laqgħa ma’ Mark Zuckerberg. Il-midja kkritikat, l-istess kif għamlu l-MEPs, il-format tal-laqgħa li fiha Zucerberg wieġeb li ried mill-mistoqsijiet li sarulu. Tajani qal li l-MEPs kellhom kull libertà biex jagħżlu x'mistoqsijiet riedu jagħmlu lil Mark Zuckerberg u l-format kien maqbul bejn Facebook u l-Parlament Ewropew. Qal li l-mistoqsijiet dettaljati se jintbagħtu lill-membri li staqsewhom.
Tajani qal li bl-ammont ta' data personali li hemm fl-internet, l-Unjoni Ewropea trid tipprevjeni l-pożizzjoni li min irid jirbaħ elezzjoni, jimporta biss li jkun jista’ jixtri l-informazzjoni sabiex jimmanipula l-elettorat. Huwa żied li l-Unjoni Ewropea hija kontra kull monopolju u se taħdem biex dan ma jseħħx.
Zuckerberg iwieġeb
Il-Fundatur ta' Facebook Mark Zuckerberg iltaqa' ma' rappreżentanti tal-Parlament Ewropew li fiha hemm il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-mexxejja tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew u ċ-Chair u r-rapporteur tal-Kumitat LIBE.
Fil-laqgħa Zuckerberg qal li fl-Ewropa hawn 18-il miljun SME li għandhom Facebook u li sabu li dawn l-accounts għenuhom ikabbru n-negozju tagħhom.
Qal li Facebook huwa impenjat favur l-Ewropa b'400 miljun ruħ li għandhom account ta' Facebook u 12,000 persuna oħra li jaħdmu ma’ Facebook f'Dublin, Londra u Pariġi.
Semma kif il-kumpanija qed taħdem biex tagħlaq accounts foloz ta’ nies fittizji. Semma wkoll kif sa issa 200 app ġew magħluqa minħabba li nstab li kienu qed jaħżnu data personali bil-moħbi. Qal li filwaqt li fl-2016 Facebook kien irreaġixxa bil-mod għall-manipulazzjoni elettorali li saret bid-data ta' FB, issa ittieħdu passi u saħansitra iddaħħlet l-Intelligenza Artifiċjali biex jingħalqu accounts fittizji.
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal li bl-ammont ta' data personali li hemm fl-internet, l-Unjoni Ewropea trid tipprevjeni l-pożizzjoni li min irid jirbaħ elezzjoni, jimporta biss li jkun jista’ jixtri l-informazzjoni sabiex jimmanipula l-elettorat. Min-naħa l-oħra, irridu nibqgħu nużaw il-midja soċjali. Radd ħajr lil Zuckerberg talli laqa’ mal-ewwel it-talba biex il-laqgħa tkun live streamed.
Zuckerberg qal li l-vjolenza u t-terrur m’għandhomx post fuq Facebook u qal li “r-responsibbiltà tagħna issa kibret u għalhekk se nużaw ukoll intelliġenza artifiċjali biex tgħinna nipprevjenu vjolenza lil ħaddiehor jew lil persuna nnifisha”. Huwa qal li sar progress konsiderevoli f'dan il-qasam.
Dwar fake news, suġġett li l-MEPs staqsew ħafna dwaru, Zuckerberg qal li qed tinħadem sistema biex profili foloz jitwaqqfu hekk kif il-profil ikun qed isir. Barra minn hekk, fejn ikun hemm dubju mill-verità ta' aħbar, din se tkun iċċekkjata indipendentament.
Zuckerberg qali li dwar manipulazzjoni elettorali, Facebook qed iżid it-trasparenza tal-profili u ta' min irid jirreklama mal-kumpanija.
Il-laqgħa saret biex fi kliem Tajani, tingħata “spjegazzjoni sħiħa u dettaljata” liċ-ċittadini Ewropej dwar l-iskandlu li fih kienet involuta l-kumpanija u li permezz tiegħu intużat b’mod ħażin id-data ta’ 2.7 miljun ċittadin Ewropew. Il-kumpanija Cambridge Analytica kienet ġabret l-informazzjoni personali ta' aktar minn 6,000 Malti li juża Facebook.