“Iridu jagħtu d-drittijiet lir-robots minflok lit-tarbija fil-ġuf” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-affarijiet mhumiex qegħdin f’posthom meta rridu nagħtu d-drittijiet lir-robots, imma mhux lit-tarbija fil-ġuf. Huwa qal dan, viżibbilment irrabjat fuq is-sitwazzjoni, waqt attività politika f’Tas-Sliema maż-żgħażagħ, organizzata minn Team Start.

F’din l-attività, iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità jistaqsu lill-Kap tal-PN u lill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew diversi mistoqsijiet. Is-suġġetti li ssemmew l-aktar kienu l-immigrazzjoni, ix-xogħol u l-opportunitajiet li toffri liż-żgħażagħ l-Unjoni Ewropea.

“Iż-żgħażagħ mhux daqshekk interessati fil-politika”

Meta Delia ġie mistoqsi dwar kif sejra l-kampanja elettorali, huwa qal li ma jaħsibx li l-kampanja sejra tajjeb maż-żgħażagħ, għax donnhom li mhumiex daqshekk interessati fil-politika. Qal li kien jinsab irrabjat peress li qabel l-attività, reġa’ ra l-filmat ta’ Greta Thurnberg, żagħżugħa li rrabjat mal-politiċi fl-UE għax qaltilhom li mhumiex jagħmlu li hemm bżonn biex jieħdu ħsieb l-ambjent u t-tibdil fil-klima.

“Ejja ma niġġildux fuq is-sulari, imma naraw min qed jgħix taħt l-art”

Delia qal li l-ġenerazzjoni tiegħu sabu kollox lest, għax il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom kienu ħadu ħsieb li jirkupraw miż-żminijiet kefrin tal-gwerra, iżda skontu, il-ġenerazzjonijiet tal-lum il-ġurnata qegħdin isibu kollox ta’ taħt fuq. Imbaqbaq, huwa ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jiġġieldu l-inġustizzji, u qal, “Ejja ma niġġildux fuq is-sulari, imma naraw min qed jgħix taħt l-art.”

Minbarra dwar l-ambjent u l-ġustizzja soċjali, Delia rrefera għall-abort, u qal, “Le għall-qerda, iva għall-ħajja.” F’kuntrast, huwa qal li hi ironika li llum il-ġurnata rridu nagħtu d-drittijiet lir-robots, imma nieħdu d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf.”

Il-Kap tal-PN qawwa qalb iż-żgħażagħ u qalilhom li huma jridu jkunu li jqumu u jirrabjaw biex ikunu jistgħu jġibu l-bidla.