“Ritratti, rikordings u kuntratt kontra Schembri”

L-avukata ta' Yorgen Fenech fil-Qorti llum waranofsinhar

3:57pm: L-Imħallef tiżgombra l-awla bil-każ ikompli bil-magħluq.

3:50pm: L-avukat Philip Galea-Farrugia mill-uffiċċju tal-AĠ, sostna li Fenech qatt ma kellu problema mal-Ispettur Arnaud. Sostna li kien hemm tliet talbiet għall-proklama iżda dawn ma kienux favorevoli. Camilleri tintervjeni u tgħid li hemm talba għadha pendenti.

L-Imħallef tiġbed l-attenzjoni tal-partijiet u saqsi jekk irridux li l-kawża tkompli bil-miftuħ minħabba l-investigazzjoni għadha għaddejja.

L-avukat Galea-Farrugia appella li jekk se jingħadu xi affarijiet li għadhom mhumiex pubbliċi, dan allura għandu jsir bil-mgħaluq. L-avukati li qed jidhru għall-Fenech ma oġġezzjonawx. Bl-Imħallef tgħid li se ssir bil-mgħaluq f’każ ta’ neċessità.

3:43pm: Camilleri saħqet li huma mhumiex jgħidu li l-arrest huwa wieħed arbitrarju minkejja li Fenech ngħata 4 police bails u huwa reġa’ ġie arrestat fi ftit sigħat.

“Hemm ħafna provi fil-konfront ta’ Schembri, ittra, ritratti, recordings u kuntratt,” saħqet l-avukat Schembri. Hi rreferiet li minkejja dawn il-provi, Schembri ma tressaqx iżda saħansitra nħarġet stqarrija li m’hemmx provi fil-konfront tiegħu.

Camilleri staqsiet kif tista’ tafda l-proċess.

L-avukat Gianluca Caruana Curran, semma’ kif it-tabib għadda noti mingħand Keith Schembri lil Fenech.

3:31pm Tibda l-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, tispjega li l-mandat ta’ inbizzjoni jista’ jsir biss biex twaqqaf u mhux biex tordna li jsir xi ħaġa. Hi kompliet tgħid li qegħdin fi proċedura speċjali. Hi rreferiet għar-risposta tal-Uffiċċju tal-AĠ fejn huma għamlu referenza għal numru ta’ sentenzi.

Hi spjegat hawn qegħdin f’mandat kontra l-Gvern u għaldaqstant in-naħa l-oħra tkun trid turi għalfejn hemm kwistjoni ta’ sproporozzjoni.

Buttigieg iddeskriviet l-investigazzjoni bħala waħda “wisq kbir” li trid issir bir-reqqa. Żiedet tgħid li ma jistax isir dak li qed titlob in-naħa l-oħra, jiġifieri tinvestiga lil dak u lill-ieħor skont ma tgħid in-naħa l-oħra.

“L-investigazzjoni għadha għaddejja” sosniet Buttigieg. Illum beda l-interrogatorju, b’Buttigieg tispjega li hemm affarijiet oħra li jagħmlu parti mill-investigazzjoni.

‘Ma jirriżulta minn imkien li kien hemm avviċinament’ Buttigieg qalet.

Buttigieg qalet li l-mara tal-Ispettur Keith Arnaud għaddiet minn proċess sħiħ biex ħadet xogħol mal-Infrastructure Malta, bl-avukat tgħid li l-mara mhix person of trust.

“Għandna investigazzjoni li waslet fl-aħħar u se tiġi b’xi mod imħawra,” qalet Buttigieg. Skont l-avukat Buttigieg l-investigazzjoni kważi waslet biex tingħalaq.

3:17pm: Jibdew jittrattaw il-mandat ta’ inbizzjoni. Camilleri tgħid li t-talba tagħhom hi li ma jkomplix fit-tim tal-investigazzjoni. “Aħna ma rridux li jkompli jinvestiga l-investigazzjoni l-Ispettur Keith Arnaud, mhux li l-investigazzjonijiet ma jsirux,” saħqet Camilleri.

Sostniet li magħhom mhix issir il-ġustizzija. Hi spjegat li l-Ispettur Keith Arnaud huwa viċin ħafna ta’ Keith Schembri. Camilleri spjegat li Arnaud talab xogħol għall-mara tiegħu, u dan eventwalment ingħata.

Spjegat ukoll li Keith Schembri għadda informazzjoni sensittiva lil Fenech, b’Schembri jgħid li ġab din l-istess informazzjoni minn għand l-uffiċjal prosekutur.

Camilleri qed tisħaq li jekk jibqa’ Arnaud se jkun hemm preġudizzju irreperabbli.

L-avukat Marion Camilleri tisħaq fuq il-bżonn tal-indipendenza fl-investigazzjoni. “Kif tista’ qatt il-ġustizzja tidher li qed issir meta dan il-persuna għandu rabtiet mal-persuna li minnha qed jiġi investigat Fenech”. Kompliet tgħid li huma talbu l-kummissarju biex jibdel lil Arnaud ma’ xi ħaddieħor. Minkejja din it-talba, dalgħodu Camilleri x’ħin marret id-depot, għall-interrogazzjoni ta’ Fenech, sabet ma’ wiċċha lill-Ispettur Arnaud. L-avukati ta’ Fenech irrifjutaw li jkomplu bl-interrogazzjoni. Żiedet tgħid li wara ftit l-interrogazzjoni kompliet mal-Ispettur Kurt Zahra li huwa parti mit-tim investigazzjoni.

3:12pm L-avukat Marion Camilleri tgħid li hi bħala l-avukat ta’ Fenech ma għandiex aċċess għall-filmati tal-CCTV waqt li Fenech kien taħt il-kustodja tal-Pulizija. Camilleri tispjega li l-prova mhix aċċessibbli għalihom.

L-avukat Victoria Buttigieg tgħid li fir-rikors hemm numru ta’ allegazzjonijiet li mhux din qed tissemma’ mill-avukati tad-difiża.

L-avukat Camilleri tgħid fir-rikors hemm miktub li fid-daħla tal-lock up, Fenech ġie avviċinat.

3:10pm: Kien hemm aviniċinament waqt li kien fuq il-kustodja tal-Pulizija.

3:07pm: Yorgen Fenech jinstab fuq il-pedana tax-xhieda. L-Imħallef Myriam Hayman spjegat li huwa jista’ jiġi mistoqsi fil-kontro-eżami. Hi tfakkru li huwa diġà għamel rikors ġuramentat.

“Biex ma ġġibx il-ġebla fuq saqqajk” – L-Imħallef qaltu.

Fenech nieżel jitkellem mal-avukati u qal li r-rikors huwa biżżejjed. Għaldaqstant ikkonferma l-kontenut tar-rikors bil-ġurament.

3:05pm: L-Imħallef staqsiet jekk irridux il-każ jinstema’ bil-miftuħ. Bid-difiża jisħqu li huwa jixtiequ l-verità toħroġ kollha. L-Imħallef żiedet tgħid li l-ewwel prijorità hi li ma tiġix imminata l-investigazzjoni.

3:02pm: Ninsabu fil-Prim’Awla Qorti Ċivili. Preżenti hawn numru ta’ ġurnalisti, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Yorgen Fenech qed ikun assistit mill-avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran.

Għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jidhru Victoria Buttigieg u Philip Galea-Farrugia.

Għall-ħabta tat-2.45pm Yorgen Fenech deher dieħel il-Qorti fejn se tibda tinstema’ l-kawża wara li Fenech għamel mandat ta’ inibizzjoni biex iwaqqaf l-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mmexxiha mill-Ispettur Keith Arnaud.

Sid il-kumpanija 17 Black qed jallega li l-Ispettur li qed imexxi l-prosekuzzjoni għandu rabtiet mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.