Posposta l-kumpilazzjoni tax-xhieda ta’ Fenech; il-maġistrat tastjeni

Aġġornat 10:01 AM
REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Il-Maġistrat Nadine Lia astjeniet milli tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech.

Ilbieraħ l-avukati li qed jidhru bħala parte civile ppreżentaw rikors li fih talbu li l-Maġistrat Nadine Lia ma tippresedix il-każ. L-istess talba saret mill-avukati ta’ Fenech. Il-Prim Imħallef issa se jkun qed jassenja l-każ lil Maġistrat ġdid.

Il-Maġistrat Lia tat dan id-digriet dalgħodu.

Tibda l-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, December 3, 2019

Kawża ta’ dan, il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech li kienet mistennija tibda dalgħodu ma saritx. Qraba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienu qed jistennew barra Awla 25, fejn anke kien hemm bosta ġurnalisti.

L-avukati tad-difiża Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran ukoll kienu hemm. Minkejja dan, wara d-9am, kulħadd ġie mgħarraf li s-smigħ ma kienx se jsir. Dan hekk kif il-Maġistrat Nadine Lia qalet li d-digriet tagħha kien se joħroġ iktar tard dwar jekk hux se tkun qed tastjeni milli tisma’ l-kumpilazzjoni hi jew le.

Is-Sibt, Fenech li għandu 38 sena, ġie mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofsinhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data:

  • Ippromwova, ikkostitwixxa, organizza jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali
  • Ipparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, meta kien jaf bl-għan jew l-attività b’mod ġenerali tal-għaqda stabbilita
  • Irrenda ruħu kompliċi ma’ terzi bil-ħsieb li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar. Ikkaġunawlha l-mewt.
  • Assoċċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra, bil-għan li jagħmel delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija
  • Irrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li b’sustanza splussiva, għamlu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed fil-periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.

Għal Yorgen Fenech qed jidhru l-avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran. Il-Prosekuzzjoni hi mmexxiha mill-Ispettur Keith Arnaud u Kurt Zahra. L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Constanzi qed jidhru għall-parte civile.