Filmat: L-MUMN titlob coveralls għall-infermiera

Aġġornat 01:49 PM
mumn presser
Miguela Xuereb

LIVE: Konferenza dwar il-coronavirus mill-MUMN

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, March 9, 2020

L-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) talbet sabiex il-Gvern jissuplixxi coveralls għall-infermiera, partikolarment dawk li jintalbu jaffaċċjaw il-pazjenti li jimirdu bil-coronavirus.

Dalgħodu l-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) sejħet lill-midja fl-uffiċju tagħha sabiex titkellem dwar x’se jiġri mill-membri tagħha fi żmien fejn f’Malta wkoll issa hawn każijiet tal-coronavirus.

L-MUMN qalet li bħalissa Malta ma tantx tinsab fi żmien feliċi. Spjegat li trid tissalvagwardja lill-infermiera għax “huma l-uniċi healthcare professionals li se jqattgħu 24 siegħa ma’ dawn il-pazjenti.”

Il-President tal-MUMN sostna li l-problemi eżistenti fil-pajjiż fis-settur tas-saħħa ilhom hemm minn qabel ma ġie l-virus.

Pace irrefera għal artiklu fuq Newsbook.com.mt fejn qal li l-Professur Charmaine Gauci qalet li kien hemm ċans baxx ħafna li l-virus jidħol Malta. Qal li llum ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-virus daħal f’Malta.

Pace spjega li lejn l-aħħar ta’ Jannar kienet ħarġet direttivi minħabba li l-pjan ta’ kontiġenza tal-Gvern kien moħbi. Meta l-union talbet li tingħata informazzjoni dwar dan il-pjan, il-Gvern ma kienx wieġeb. L-Union qalet li ħlief l-ITU, IDU u l-Emerġenza, din id-direttiva li ħarġa f’Jannar għadha tgħodd. Id-direttiva kienet li jekk infermiera ma tkunx għaddiet minn taħriġ neċessarju mela ma jattendux għal pazjenti li huma morda bil-coronavirus.

Pace sostna li dawn l-infermiera mhux ma jirdux jieħdu ħsieb il-pazjenti, imma huma mbeżża u mħassba. Sostna li dawn huma persuni li ħafna minnhom għandhom familji, forsi bit-tfal jew fi stadju li jibdew jaħsbu li jkollhom it-tfal.

Pace qal li hu talab sabiex it-taħriġ lill-professjonisti jingħata permezz tal-użu tal-coverall. Qal li minflok, dawn l-infermiera spiċċaw jilbsu atrezzament li ma jiggarantix li jkunu mgħttija kompletament, iżda jkollhom partijiet ta’ ġisimhom, inkluż għonqhom mikxuf. Qal li dan it-tip ta’ lbies jista’ jwassal biex l-infermiera jispiċċaw jimirdu bil-virus huma wkoll jekk jattendu għal dawn il-pazjenti. Qal li issa, sar aktar diffiċli li wieħed jixtri l-coveralls hekk kif ċertu pajjiżi qed jordnaw li dan l-attrezzament ma jiġix esportat.

“Sal-lum għadhom ma ġewx allokati staff min se jidħol mal-pazjenti li jimirdu bil-virus u f’każ ta’ epidemija,” qal Pace. Is-Sibt li għadda, instab l-ewwel każ tal-coronavirus f’Malta. Ftit tal-ħin wara instab li l-ġenituri tat-tifla li kienet l-ewwel każ tal-virus f’Malta kienu ntlaqtu mill-istess virus.

Qal li mit-talbiet kollha li għamlu lill-Gvern bħala union, il-Gvern ta biss assigurazzjoni lill-infermiera f’każ li jaħdmu ma’ każi tal-virus.

“Il-virus mhux se jibgħatlek email u jgħidlek kemm waqqa’ droplets fl-airport,” sostna Pace.

Pace qara messaġġ li rċieva mingħand membru tal-union li jgħid li matul il-lejl kien hemm każ ta’ suspett bil-coronavirus, qal li l-persuna spiċċat l-ITU. Qal li meta din il-pazjenta suspettata bil-coronavirus ittieħdet l-ITU, ġiet f’kuntatt ma’ infermiera li qalu li lanqas għandhom maskli biex jipproteġu ruħhom. Sostna li l-infermiera jinsabu mwerwra.

Qal li jekk wieħed jistaqsi liema swali se jintużaw, id-domanda ta’ fejn se jmorru f’każ ta’ outbreak għadha mhix magħrufa. Qal li bil-wisq inqas l-infermiera li se jkunu qed jidħlu jaħdmu ma’ dawn il-pazjenti.

Semma kif ilbieraħ ħareġ li fairyland kien se jibda jsir swabbing. Qal li l-infermiera taċ-ċentri tas-saħħa ingħataw maskli tal-operazzjonijiet biex jagħmlu l-iscreenings tal-pazjenti.

X’qed titlob l-MUMN?

  • Qed jitlobu għall-maskli N99 u N95
  • Iridu coveralls – infermiera li ma jkollhomx coveralls jistgħu jirrifjutaw li jattendu pazjent
  • Il-contingency plan għandu jiġi ppubblikat

“Preparati kemm aħna preparati fadal ħafna xi jsir. L-inċertezza qalb l-infermiera trid tinqata’,” qal Pace. “Ma jistax ikkollna kif ġara fil-bini, xi Miriam Pace oħra, li jmut infermier għax ma kellux l-apparat neċessarju,” qal Pace.

“Il-Pulizija u tal-forensika għandhom stock aħjar tal-coveralls mill-infermiera,” qal Pace hu u jwieġeb lill-ġurnalisti. Qal li fil-passat kien hawn stock tagħhom, imma xejn minn dan ma hu aċċessibbli għall-infermiera.