Il-Kunsill Ġenerali jiddeċiedi favur elezzjoni għall-kap tal-PN

Aġġornat 09:12 AM

Adrian Delia tilef ukoll il-maġġoranza fil-Kunsill Ġenerali

Read in English.

Il-Kunsill Ġenerali ddeċieda favur li ssir elezzjoni għall-kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan tħabbar illum wara perjodu ta’ votazzjoni fejn minn 1,630 Kunsillier ivvutaw 1,509.

659 kunsillier ivvutaw li l-PN għandu jirrikorri għal konferma tal-kap. Intant 839 Kunsillier għażlu li l-Partit Nazzjonalista għandu jmur għal Elezzjoni tal-Kap. 11-il vot kien invalidu.

Żviluppi minuta b’minuta

8.40pm: Grazzi talli segwejtu dan il-blogg.

8.38pm: Titħabbar konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali. Din mistennija tibda fid-8.45pm.

8.30pm: Is-segwaċi tal-partit jinġabru qaqoċċa quddiem il-bieb tad-Dar Ċentrali.

Filmat: Sarah Cassar Dymond

8.26pm: Il-grupp ta’ persuni barra d-Dar Ċentrali issa jkompli jikber.

Sarah Cassar Dymond

8.22pm: Galea qal li issa se jkollu jibda proċess ġdid għall-għażla tal-Kap. Fi żmien tliet ijiem il-Kummissjoni Elettorali trid toħorġ expression of interest għal dawk li jridu jikkontestaw għal din il-pożizzjoni.

8.20pm: Min-naħa tiegħu, Ċensu Galea rringrazzja lil kulħadd tax-xogħol. Hu stieden lil Fenech biex jiddikjara r-riżultat b’mod uffiċjali. Fenech hawn qal li kien hemm 11-il vot invalidu. Qal li l-mozzjoni li ġiet ippreżentata mill-Eżekuttiv, hija dik ta’ elezzjoni għal Kap tal-PN.

8.17pm: Fenech ħabbar kif kien hemm total ta’ 659 vot li għażlu li l-PN għandu jirrikorri għal konferma tal-kap. Intant 839 Kunsillier għażlu li l-Partit Nazzjonalista għandu jmur għal Elezzjoni tal-Kap.

8.15pm: Il-midja tal-Partit Nazzjonalista wkoll ixxandar riżultat mhux uffiċjali li l-Kunsilliera jidher li għażlu li jmorru għal elezzjoni għall-Kap.

8.08pm: Skont riżultat mhux uffiċjali jidher li l-Kunsill Ġenerali tal-PN ivvota għal elezzjoni għal kap tal-PN. Dan ifisser li wara li tilef il-vot tal-Grupp Parlamentari u tal-Kumitat Eżekuttiv, Adrian Delia tilef ukoll il-vot tal-Kunsill Ġenerali. Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li 56% ivvutaw għal elezzjoni tal-Kap tal-PN. Sena ilu, il-Kunsill Ġenerali vvota jekk Delia għandux jibqa’ kap sal-elezzjoni li jmiss, u ġie kkonfermat b’67%.

8pm: Il-proċess tal-għadd tal-voti jibda issa.

7.59pm: Ċensu Galea jasal fid-Dar Ċentrali.

Filmat: Sarah Cassar Dymond

7.57pm: Il-Membru Parlamentari Jason Azzopardi, li fl-aħħar ġimgħat kien wieħed fost dawk li għajtu għat-tneħħija ta’ Delia tella’ post fuq Facebook bil-kelma “Grazzi”.

7.55pm: Issa għadu kemm intemm il-proċess tas-sorting u se jkun qed jibda l-proċess tal-għadd tal-voti fil-ħin li ġej.

7.52pm: Il-proċess tas-sorting għaddej ġmielu. Intant, fuq barra aktar persuni qed jinġabru quddiem id-Dar Ċentrali.

7.36pm: Jibda l-proċess tas-sorting. Hemm total ta’ erba’ mwejjed li għaddejjin bil-proċess tas-sorting fejn qed ipoġġu l-vot jew f’garżella li tgħid ‘konferma tal-kap’, jew garżella li tgħid ‘elezzjoni għall-kap’. Dawk li jkunu dubjużi, jitpoġġew fil-garżella bit-tabella ‘dubjużi’.

7.34pm: Il-President tal-Kummissjoni Elettorali qed juri l-voti pakkett pakkett.

7.33pm: Jasal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo.

Sarah Cassar Dymond

7.32pm: Il-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN jindirizza lil dawk li qed jaħdmu fuq l-għadd tal-voti. Jidher li l-proċess li l-voti jinfetħu wiċċhom l-isfel tlesta u issa deħlin fil-fażi li jmiss.

7.25pm: L-għadd ta’ persuni fuq barra tad-Dar Ċentrali jkompli jikber.

Filmat: Sarah Cassar Dymond

7.23pm: Il-Kunsill irid jiddeċiedi bejn żewġ għażliet, li t-tnejn se jwasslu biex il-Partit isejjaħ konferenza ġenerali li fiha, it-tesserati jiġu mistiedna jivvutaw. Delia jippreferi li t-tesserati jkollhom vot ta’ fiduċja fih, iżda dawn li huma kontrih, inkluż il-maġġoranza tal-MPs tal-PN, iridu li ssir elezzjoni għal Kap ġdid.

6.55pm: Kien hemm total ta’ ħames kaxxi tal-voti, li kollha tpoġġew f’kaxxa waħda u bħalissa qed isir is-sorting. Il-voti qed jitpoġġew fi gruppi ta’ 50.

Programm specjali tal-Kunsill Generali straordinarju tal-Partit Nazzjonalista

Programm specjali tal-Kunsill Generali straordinarju tal-Partit Nazzjonalista

Posted by Partit Nazzjonalista on Saturday, August 1, 2020

6.50pm: Issa l-voti qed jinfetħu wiċċhom l-isfel fuq l-imwejjed. Kollu proċess biex jiffaċilita l-għadd tal-voti kif ukoll ikun identifikat it-timbru tal-Kunsill Elettorali u t-timbru taż-żewġ naħat tal-mistoqsija li tpoġġiet fuq dan il-vot.

Sarah Cassar Dymond

6.49pm: Il-kaxxi differenti tal-voti qed jitħalltu u jitbattlu f’kaxxi differenti sabiex ma jkunx jista’ jkun identifikat minn fejn kienu l-votanti u meta vvutaw. Dan hekk kif nhar l-Erbgħa li għadda kien hemm il-votazzjoni bikrija u lbieraħ u llum kien hemm il-votazzjoni ġenerali.

6.41pm: Jibdew jinfetħu s-siġilli tal-kaxxi tal-voti.

6.39pm: Tasal l-ewwel kaxxa bil-voti fis-sala tal-voti fid-Dar Ċentrali. Issa se jkun qed jinbeda l-proċess li se jwassal biex jinbeda l-għadd tal-voti.

6.23pm: Partitarji tal-Partit Nazzjonalista jinġabru quddiem id-Dar Ċentrali jistennew biex jaraw ir-riżultat minn fuq il-post.

Filmat: Sarah Cassar Dymond

6.21pm: Kien imħabbar li minn 1,630 kunsillier ivvutaw 1,509. 120 minnhom kienu kunsilliera Għawdxin. Dan ifisser li 93% tal-kunsilliera ssottomettew il-vot tagħhom.

6.17pm: L-avukat Peter Fenech jagħti l-istruzzjonijiet lill-membri tal-Kummissjoni Elettorali u dawk li se jieħdu ħsieb l-għadd tal-voti dwar il-proċess li se jkun qed isir.

5.56pm: Jasal fid-Dar Ċentrali l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Il-Kunsill irid jiddeċiedi bejn żewġ għażliet, li t-tnejn se jwasslu biex il-Partit isejjaħ konferenza ġenerali li fiha, it-tesserati jiġu mistiedna jivvutaw. Delia jippreferi li t-tesserati jkollhom vot ta’ fiduċja fih, iżda dawn li huma kontrih, inkluż il-maġġoranza tal-MPs tal-PN, iridu li ssir elezzjoni għal Kap ġdid.

Newsbook.com.mt se jkun qed jaġġornakom minuta b’minuta b’dak kollu li se jkun qed jiġri fid-Dar Ċentrali llejla.

Bejn is-6pm u t-8pm se jkun hemm il-proċess tal-għadd tal-voti. Wara dan il-proċess, se jinħareġ ir-riżultat b’mod pubbliku, imbagħad se jkun hemm konferenzi tal-aħbarijiet miż-żewġ naħat.