Filmat u ritratti: X’qed jiġri f’Ħal Far?

Read in English.

Għadd ta’ Pulizija dalgħodu marru fil-villaġġ tat-tined f’Ħal Far wara l-protesti mill-immigranti matul il-lejl li għadda.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ rappreżentant tal-Pulizija fejn ikkonferma li tqabbdu tliet karozzi u karozza oħra ġarrbet xi ħsarat żgħar. Il-ħames karozza li ġarrbet xi ħsarat kienet tal-Pulizija.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li tliet immigranti ppruvaw jidħlu fil-magħruf villaġġ tat-tined waqt li kienu qed jixorbu l-alkoħol. Huma twaqqfu fil-bieb minn uffiċjali tas-sigurtà. Il-Pulizija tal-RIU ssejħu fuq il-post. Skont sorsi, it-tliet immigranti allegatament sfaw imsawta mill-Pulizija, qabel intervjenew immigranti oħra.

Newsbook.com.mt mar fuq il-post biex jiddokumenta l-ħsarat.

“Nikkundanaw l-atti ta’ vjolenza” – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista (PN) ikkundanna l-atti ta’ vjolenza li seħħew f’Ħal Far.

Fi stqarrija, maħruġa mill-kelliema tal-PN, Beppe Fenech Adami u Carm Mifsud Bonnici, il-PN esprima solidarjetà mal-Pulizija, l-Armata u l-Uffiċjali tad-Detenzjoni aggrediti f’dawn l-inċidenti. Qal ukoll li min jiġi Malta, irid josserva l-liġijiet tagħha.