Filmati: X’inhu għaddej fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar?

Christoph Schwaiger

Read in English.

22:58  Newsbook.com.mt jinsab infurmat bil-voti li s’issa jidher li kisbu l-kandidati li huma mistennija jiġu eletti. Għall-Partit Laburista hemm Miriam Dalli b’51,000 vot, Alfred Sant b’21,300, Alex Agius Saliba bi 15,000 u Josianne Cutajar bi 12,900. Intant mit-totali li tat il-Kummissjoni s’issa lill-aġenti tal-partiti jidher li dawk għall-Partit Nazzjonalista huma Roberta Metsola b’31,000 u David Casa b’16,500. Intant il-kwota hija dik ta’ 37,000 vot.

22:40 Il-kollega Christoph Schwaiger jaġġornana bl-aħħar dettalji mis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.

21:50 Josef Caruana, il-kandidat f’isem il-Partit Laburista qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Partit Nazzjonalista ilu fit-triq tan-niżla għal snin twal.

Filmat: “Il-PN ilu f’din in-niżla għal snin twal” – Caruana

21:15 Dione Borg, il-kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista qal ma’ Newsbook.com.mt li bosta Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw għal diversi raġunijiet.

Filmat: “In-Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw għal diversi raġunijiet” – Borg

20:40 Josianne Cutajar qalet ma’ Newsbook.com.mt li sostniet li n-nies, bil-vot tagħhom urew li jridu rappreżentanza Ewropea li titkellem favur Malta u Għawdex, lil hinn milli tagħmel il-ħsara.

Filmat: “Urew li jridu rappreżentanti li jitkellmu favur Malta u Għawdex” – Cutajar

20:30 Alex Agius Saliba qal ma’ Newsbook.com.mt li l-poplu ta’ risposta tiegħu billi għażel bejn il-politika tal-biża’ tal-Partit Nazzjonalista u dik li tiddefendi liċ-ċittadin tal-Partit Laburista.

Filmat: “Il-poplu għażel il-politika li tiddefendi liċ-ċittadin” – Agius Saliba

20:19 Miriam Dalli qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-fatt li ltaqgħet man-nies għena tikseb din ir-rebħa.

Filmat: “Il-kuntatt man-nies wassal għal dan ir-riżultat” – Dr Dalli

20:05 Newsbook.com.mt tkellem ma’ numru ta’ kandidati tal-Partit Laburista, fosthom Dr Miriam Dalli, Dr Alex Agius Saliba u wkoll Dr Josianne Cutajar. Dawn kollha qed jingħad li x’aktarx ġew eletti bħala MEPs.

20:00 Il-Kap tal-Oppiżozzjoni deher ħiereġ mill-kamra tal-Partit Laburista li tinsab viċin l-entratura tas-sala tal-għadd tal-voti.

19:46 Jibqgħu jingħaddu l-voti.

19:42 Bosta nies jibqgħu tal-fehma li Adrian Delia għandu jirreżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u qegħdin jappellaw fuq Facebook biex issir protesta kbira għal dan.

https://www.facebook.com/535665316889126/photos/a.535677963554528/689291558193167/?type=3&__xts__%5B0%5D=68.ARDD1LqG66imJT-JlRfGHuBJF7uHJLCSqxNbn0to-xZJ05iuWtuVxTKc9p5IbOW2SvjWYOgHT5XO9-AaUWvl4bP1LEf0rF_s-BuTI6quSSQtQ41SXQYwfR_Wv7utHqv_P7k0a8YJywfBBq5N4myp71H86Pz9YRQ7V4CdCBNkCxtOq9kpwa0M_41ty8x364VUg5J-RqcyVyzwoJ16QnSCA4r2boQCpPSqVsS57gUNZoJIlgEypWhq8fbVCr7uTKpw30HyBR8Vtw6UowqG33VF6shpVP0Ajqeq8FgUT3EdEewpEvw_FaeajCkRSeLDhfPqRR4A5J3lyNunc1Ap6E9kZ4c&__tn__=-R

19:40 L-għaqda Repubblika kienet pożittiva fil-kummenti tagħha meta fuq Twitter kitbet li 36% mill-votanti vvutaw lil dawk li jitkellmu favur is-Saltna tad-Dritt f’Malta u fil-ġlieda kontra s-Saltna tad-Dritt.

19:30 Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia żar is-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar fejn iltaqa’ mal-voluntiera u mal-partitarji tal-PN. Huwa wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u stqarr li mhux beħsiebu jirreżenja.

Filmat: “M’iniex se nirreżenja” – Delia

19:20 Il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield qal fuq Twitter li r-riżultati ma jħallux lok għal interpretazzjoni oħra ħlief li l-pajjiż irid għaqda u mhux firda.

18:30 Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri jgħid li l-Partit Laburista kiseb l-ikbar persentaġġ ta’ voti fl-Ewropa permezz ta’ din ir-rebħa.

18:08 B’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, David Thake qal li Delia mhux se jirreżenja minn jeddu imma jeħtieġ li n-nies jisfurzawh jitlaq. Oħt il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Mandy Mallia, uriet il-fehma li Delia għandu jirreżenja.

18:04 Fl-ewwel messaġġ tiegħu wara r-riżultat tat-telfa għall-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qawwa qalb in-nies u qal li l-PN mhux se jaqta’ qalbu. Huwa qal li xogħol il-PN issa huwa li jixtarr u jiskopri għaliex mhuwiex l-għażla tan-nies.

Filmat: “Irridu għaliex m’aħniex l-għażla tan-nies” – Delia

17:42 Il-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia huwa mistenni jgħaddi l-ewwel messaġġ tiegħu fil-ħin li ġej. Intant, fis-Sala tan-Naxxar deher Żaren tal-Ajkla b’dehra kalma. 809 kaxxi nfetħu u ġew reġistrati l-voti li kien fihom. Kien hemm 103,722 vot validu u 3,907 vot invalidu.

17:20 L-Alternattiva Demokratika qalet li għadu kmieni biex tgħid kif mar il-partit fl-elezzjoni, iżda jidher li “l-politika tal-mibegħda” kisbet aktar voti u dan hu ta’ tħassib.

17:00 Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal li din ir-rebħa tfisser aktar arroganza min-naħa ta’ wħud mill-Partit Laburista bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri. Qal li hu inkwetanti l-fatt li m’hawnx oppożizzjoni f’Malta. Huwa kiseb 1% tal-voti jew ftit inqas.

Filmat: “L-arroganza ta’ Schembri u Mizzi se tkompli tikber b’dan ir-riżultat” – Cassola

16:15 Sorsi ta’ Newsbook.com.mt jgħidu li l-Partit Laburista se jtella’ 4 siġġijiet fil-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jitlef wieħed u jtella’ 2 siġġijiet. Miriam Dalli qiegħda tissemma bħala l-kandidata li kisbet l-iżjed voti. Barra minn Dalli, jidher li l-PL se jtella’ lil Alfred Sant, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar. Fir-rigward tal-PN, qed jissemmew Roberta Metsola u David Casa.

Casa mistenni jibqa’; Agius Saliba u Cutajar l-uċuħ il-ġodda – sorsi

16:09 Titħabbar żieda fil-maġġoranza, billi din jidher li telgħet bejn 51,500 u 51,600 vot. Il-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru Kurt Farrugia qal fuq Twitter ukoll li l-maġġoranza hija aktar minn 50,000 vot.

15:18 Il-partitarji Nazzjonalisti rreaġixxew għar-riżultat billi waħħlu posters bil-kliem “Jixirqilna aħjar” mal-faċċati tal-każini tal-PN fis-Swieqi, f’San Ġwann u f’San Pawl il-Baħar.

Ritratti: “Jixirqilna aħjar”; In-Nazzjonalisti jwaħħlu posters mal-każini tal-PN

14:52 Id-Deputat Mexxej tal-PL u l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne jxerred aktar ritratti mill-gallarija tal-Kwartieri Ġenerali.

14:40 Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku indirizza lil dawk li ma vvutawx u qalilhom li taw lill-PD għal xiex jaħdmu. Qal ukoll li dawk li vvutaw lill-PD qawwew qalb il-membri tal-partit biex jissoktaw bil-ħidma tagħhom biex ikunu għażla alternattiva għaż-żewġ partiti ewlenin.

“Intom li ma vvutajtux tajtuna għal xiex naħdmu” – PD

14:21 Ministri u Segretarji Parlamentari jieħdu ritratt flimkien fil-gallarija tal-Kwartieri Ġenerali tal-PL.

14:00 Il-Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru Joseph Muscat indirizza lill-folla miġbura quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Ħamrun, u ħabbar li sa dak il-mument, il-PL kellu maġġoranza ta’ 48,000 vot. Huwa indika wkoll li l-PL din id-darba tella’ 4 siġġijiet fil-Parlament Ewropew.

“Bħalissa hemm maġġoranza ta’ 48,000 vot” – Muscat

13:33 Numru kbir ta’ partitarji Laburisti bħalissa sejrin lejn il-Kwartieri Ġenerali sabiex jibdew jiċċelebraw. Intant, fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar jidhru l-kandidat indipendenti Arnold Cassola u Luke Caruana u Mario Mallia mill-Alternattiva Demokratika.

 

13:09 Ikomplu l-kummenti online, bi tweets mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia.

12:54 Is-sit Ewropew European Elects aġġorna s-segwaċi Ewropej bir-riżultati tal-elezzjoni f’Malta f’kuntrast mas-snin passati.

12:34 Il-kandidat tal-PN Michael Briguglio jirringrazzja lin-nies tal-appoġġ.

Thank you to each and every one of you who gave me a vote. From the start I knew this was an uphill struggle. My…

Posted by Michael Briguglio on Sunday, May 26, 2019

12:31 Ikomplu ċ-ċelebrazzjonijiet bin-nies joħorġu jiċċelebraw bil-karozzi minkejja x-xita u r-ragħad. Iċ-ċelebrazzjonijiet ma jonqsux fin-Naxxar.

12:18 Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar xerrdet ritratti ta’ ġurnalisti tal-PL u rringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi tal-fiduċja.

12:04 Intant, David Thake xerred kitba li qal li għaddihielu Clyde Puli, li fiha qallu li l-poplu ma jridx jisma’ aktar b’korruzzjoni.

Apparently today’s election result is my fault too..“David ikun min ikun il leader il poplu jrid liberta li ghandu…

Posted by David Thake on Sunday, May 26, 2019

11:59 Xi partitarji kissru l-perspex huma u jħabbtu fuqu.

11:57 Robert Arrigo, il-Viċi Kap tal-PN qal lil Newsbook.com.mt li l-kampjuni li għandhom il-Partit Laburista u Nazzjonalista mhumiex eżatt l-istess. Dak li għandhom il-PN jindika li hemm distakk ta’ 40,000, li skont Arrigo, ċkien fejn dak li kien imbassar qabel. Dan ikkreditah għall-ħidma tal-partit tul l-aħħar xhur.

11:42 Sorsi mhux uffiċjali qegħdin jgħidu li l-persentaġġi huma ta’ 55% għall-Partit Laburista, 38% għall-Partit Nazzjonalista u 7% għall-partiti l-oħrajn u l-kandidati indipendenti.

11:36 Jibdew il-kummenti online dwar ir-rebħa “storika,” kif sejħilha Joseph Muscat stess. Tkellem ukoll il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef. Id-Deputat Mexxej tal-PL Chris Cardona qal li dan kien vot kontra l-firda u favur l-unità u favur Malta.

11:30 Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Maltin li vvutawlu fuq Twitter u qal “Grazzi talli erġajtu kontu miegħi.”

11:17 Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li din hi l-ikbar rebħa f’Malta, u kkonferma li l-PL rebaħ b’distakk qawwi ta’ 55%. Intant, il-partitarji tal-PL bdew ibigħu l-flokkijiet u l-maggijiet fil-Ħamrun.

Filmat: Rebħa għall-PL b’55% – Joseph Muscat

11:12 L-ewwel indikazzjonijiet bdew juru illi r-rebħa għall-Partit Laburista hija b’distakk ta’ 54,000.

10:42 Ir-riżultati qed jiġu skenjati permezz ta’ 78 skener.

10:28 Il-kollega Beppe Galea jinforma lill-preżentaturi Fr Joe Borg u Sylvana Debono li huwa tkellem mal-kandidati Miriam Dalli u Roberta Metsola li rringrazzjaw lil kulħadd tal-appoġġ iżda ma setgħux jagħtu indikazzjoni tar-riżultati minn issa.

10:16 Żdiedet il-preżenza tal-pulizija fil-kuritur tas-sala tal-għadd tal-voti.

10:07 F’kollegament ma’ Beppe Galea li qiegħed fiċ-Ċentru tan-Naxxar, huwa qal li r-rappreżentanti taż-żewġ partiti għadhom preżenti fin-Naxxar, u tinħass aktar rappreżentanza min-naħa tal-PL.

10:00 Emanuel Cuschieri għadda parir lill-membri tal-grupp fuq Facebook Laburisti sal-Mewt, fejn qalilhom li jeħtieġ li l-kritika ssir lill-PN imma mhux lill-Kap tal-PN, Adrian Delia. Dan għaliex skontu, jaqbillu l-PL li jkun fit-tmun tal-PN.

09:52 L-ewwel kaxxa ta’ kull mejda hija lesta.

09:37 Jibdew jinkixfu l-voti.

09:26 Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon qal li l-Partit Laburista riesaq lejn maġġoranza assoluta iżda għadu kmieni biex wieħed jitkellem dwar is-siġġijiet. Falzon, li għamel żmien twil responsabbli mill-proċess elettorali tal-Partit Laburista, qal li wieħed ikun irresponsabbli jekk jitkellem dwar maġġoranza komda. Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li joqgħod fuq dak li qal li l-Ministru Falzon peress li għandu esperjenza twila f’dan il-qasam. Huwa qal li huwa inkwetanti għall-Partit Nazzjonalista meta tara li fid-distretti predominanti Nazzjonalisti, il-vot ma kienx dak li hu mixtieq.

09:12 Id-delegati qegħdin jieħdu posthom wara l-perspex.

09:06 Sorsi ta’ Newsbook.com.mt li huma aġenti tal-partiti qegħdin jgħidu li qed jistennew li l-Partit Laburista jġib aktar minn 50,000 vot iżjed mill-Partit Nazzjonalista. Qalu wkoll li l-PL qed jibża’ li tilef xi voti billi dawn imorru għal Norman Lowell f’isem Imperium Europa. L-istess sorsi qegħdin jgħidu li jekk l-istimi huma korretti, il-PN kapaċi jġib anqas minn 40%, jiġifieri ftit aktar minn 100,000 vot.

09:00 Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li jidher fid-distretti b’maġġoranza Nazzjonalista l-għadd ta’ dawk li ħarġu jivvutaw ma kienx dak mixtieq għall- partit. Waqt li kien qed jitkellem ma’ TVM ftit minuti qabel jibda l-għadd tal-voti, Arrigo qal li qed jittama li r-riżultat ikun wieħed rispettabbli għall-Partit Nazzjonalista.

08:58 Il-kollega Nicole Borg min-Naxxar tgħid li se jkun għall-ħabta tal-10am jew tal-10.30am meta joħorġu l-ewwel riżultati. Il-kandidati tal-Partit Laburista ntalbu jidħlu fis-sala għax dalwaqt jibda l-iskenjar. Nicole Borg tgħid li b’mod mhux uffiċjali qed jingħad li hemm madwar 50,000 vot differenza favur il-Partit Laburista.

08:52 Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat għadu mhux preżenti fin-Naxxar għaliex jidher li qiegħed jilgħab logħba futbol ma’ familtu.

Il-Prim Ministru jtiha għall-futbol waqt li jingħaddu l-voti

08:19 Skont il-Kummissjoni Elettorali, it-turnout ta’ kemm ħarġu nies jivvutaw għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għola għal 72.6%.

08:09 Il-President George Vella jawgura lill-Kummissjoni Elettorali, lill-partiti politiċi, lill-pulizija, u l-elettorat ta’ ħidmiethom.

08:06 Skont sors ta’ Newsbook.com.mtid-distakk jidher li se jkun ta’ madwar 48,000 vot.

08:01 Il-kollega Nicole Borg tingħaqad magħna min-Naxxar u tgħid li l-kaxxi għadhom qed jinfetħu. Tgħid li bosta kandidati huma preżenti, anke kandidati għall-kunsilli lokali. Preżenti hemm ukoll id-Deputati Laburisti Chris Fearne u Chris Cardona.

07:45 Il-Kummissjoni Elettorali toħroġ il-medja ta’ votanti, li hija ta’ 70.12%. Meta mqabbel mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ ħames snin ilu dan ifisser tnaqqis ta’ 4.7%. Id-distretti li kellu l-ikbar turnout – kienu l-ħames, is-sitt u s-seba’ distrett li kollha kellhom ‘il fuq minn 75%, waqt li l-10-il distrett kellu l-inqas – 58.9%.

Medja ta’ 70.12% jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew – skont Schiavone din se tkun ġurnata diffiċli għal PN

07:41 Il-Membru Parlamentari Hermann Schiavone qal fuq Facebook li l-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu ġurnata diffiċli għax il-Partit Laburista kellu rebħa “kbira ħafna.” Huwa kkonkluda li dan minħabba li xi Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw.

Update..Nifhem li l-post tieghi ma ntlaqax tajjeb minn kulhadd. Jiddispjacini jekk xi whud ihossuhom imwegga. Qalbi…

Posted by Hermann Schiavone on Saturday, May 25, 2019

07:31 Kollegament mal-kollega Beppe Galea miċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti li jgħid li tinħass rappreżentanza qawwija tal-Partit Laburista, fejn hemm ukoll rappreżentanti mill-partiti l-oħra.

07:20 Jibda programm live bl-aħħar aġġornamenti ppreżentat minn Fr Joe Borg u Sylvana Debono, li fih se jkunu mistiedna numru ta’ opinjonisti sabiex jiddiskutu l-andament tal-għadd tal-voti.

07:00 Kollegament live mal-kollega Nicole Borg miċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.