Filmat: 18% tan-negozji se jkeċċu xi ħaddiema sal-aħħar tax-xahar – survey

Aġġornat 12:57 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Press Conference – Survey Results – The Continued Effects of the Covid-19 Pandemic on Business in Malta

Press Conference – Survey Results – The Continued Effects of the Covid-19 Pandemic on Business in Malta

Posted by Malta Chamber of SMEs on Monday, April 20, 2020

18% tan-negozji mistennija jibdew ikeċċu l-ħaddiema sal-aħħar tax-xahar. Dan ħareġ bħala riżultat tas-survey li għamlet il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji. Intant, 32% tan-negozji mistennija jkomplu għaddejjin b’mod normali, 29% se jibqgħu magħluqin jew se jagħlqu temporanjament, 11% se jinvestu fi ħwienet online u marketing online, u 2% mistennija jiddikjaraw li fallew.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji fejn ġew ippubblikati r-riżultati tas-survey tagħha dwar l-effetti tal-pandemija tal-coronavirus fuq in-negozji Maltin.

Is-survey tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u medji sab li kienu biss 10% tal-persuni li wieġbu s-survey tagħhom li qalu li n-negozju tagħhom, li jinsab f’setturi speċifiċi, ma ġiex affettwat mill-pandemija tal-coronavirus. Dawn jinkludu kumpaniji li jinsabu fis-setturi tal-farmaċewtika, prodotti tal-ikel, telekomunikazzjoni, ICT, kostruzzjoni, makkinarju u għodda, is-servizzi finanzjarji u xi oħrajn.

Ħareġ li 67% tal-persuni li wieġbu s-surver qalu li n-negozju tagħhom jew twaqqaf milli jopera kompletament, jew inkella kważi kompletament. 75% ta’ dawk li wieġbu b’dan il-mod qalu li n-negozju tagħhom waqaf għal kollox.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra, Abigail Mamo, qalet li dan huwa t-tieni studju li qed isir, hekk kif l-ewwel wieħed seħħ fl-ewwel ġimgħa meta l-coronavirus laqat lil Malta u Għawdex. Is-survey sar bejn l-4 u d-19 ta’ April qalb 360 negozju li qed joperaw f’Malta. Ir-riżultati tal-istudju kienu spjegati mill-Viċi President, Marcel Mizzi.

Mizzi spjega li l-ħlas lill-impjegati u l-ġbir ta’ pagamenti kienu fost l-aktar problemi komuni li qed jinkwetaw lin-negozji minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Intant, is-setturi l-aktar milquta huma dwar tat-turiżmu, vjaġġar, importazzjoni, u oħrajn.

Miżżi spjega li permezz tas-survey ħareġ li l-maġġoranza tan-negozji qed jagħmlu kemm jifilħu biex iżommu lill-ħaddiema tagħhom. Qal iżda li setturi li ma kienux inklużi fil-wage suppliment tal-gvern qed jesperjenzaw diffikultajiet kbar. Intant qal li dawk in-negozji li qed jibbenefikaw mill-miżuri marbutin mal-coronavirus mhux qed jiriċevu l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun.

Ħareġ li l-pagamenti tal-kirjiet huwa l-ikbar inkwiet tal-maġġoranza tan-negozji. Intant, in-negozji qalu li hemm bżonn li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jorħsu f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Aspett ieħor li ħareġ mis-survey huwa dak dwar is-saħħa mentali tas-sidien tan-negozji u l-impegati tagħhom li ġew affettwati drastikament, qal Mizzi.

Bħala parti mis-survey, in-negozji pproponew ukoll li l-Gvern jaħfer il-kirjiet kollha tiegħu u jwaqqaf il-liċenzji tal-vetturi kummerċjali hekk kif dawn mhux qed jintużaw. Talbu wkoll lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex jaħfru l-ħlasijiet tal-liċenzja għan-negozji.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn