Qtil Għargħur: “Ħlief demm ma rajniex” – il-pulizija

Christoph Schwaiger

Fil-Qorti llum kompliet tinstema’ l-kompilazzjoni tax-xhieda dwar l-każ tar-raġel li qatel lill-ommu u lil zitu fil-Għargħur. Pulizija tal-RIU, Tonio Bellizzi, xehed dwar il-każ u qal li meta marru fil-kamra fejn kien hemm ommu u zitu, huwa ma ra xejn ħlief demm.

Tonio Bellizzi spjega kif il-Pulizija ġiet infurmata li raġel kien qed jallega li qatel lil ommu u lil zitu. Meta marru fuq il-post, kompla l-pulizija, fetħilhom l-akkużat stess u kien evidenti li kellu diversi titjiriet tad-demm fuqu, iżda ma qalilhom xejn. Fil-kamra ta’ ġewwa nett, Bellizzi qal li sabu ż-2 vittmi mitfugħin fuq xulxin f’għadira demm. Il-persuna ta’ taħt kienet diġà mejta. Bellizzi qal li sejjaħ għal ambulanza li ħadet l-vittma l-oħra l-isptar. Il-pulizija jgħid li ma tax wisq kas tal-kamra, għax “ħlief demm ma bdejniex naraw.”

Aqra x’ġara pass pass fil-Qorti hawn taħt…

11:29 Il-każ għandu jkompli jinstema’ fl-10 t’Ottubru fl-10.15am.

11:25 Jiġi deċiż li l-espert forensiku għandu jressaq il-marki tas-swaba’ tal-akkużat li ħa waqt is-seduta flimkien mal-marki tas-swaba’ li nstabu fuq il-post.

11:21 Titla’ tixhed rappreżentanta tal-HSBC, Alison Mifsud Brimmer dwar il-kontijiet bankarji tal-akkużat. Hija tagħti d-dettalji tal-kontijiet li kellu bejn l-2011 u l-2018.

11:14 Imiss jixhed l-uffiċjal tal-pulizija Tonio Bellizzi mill-RIU. Huwa jispjega li għall-ħabta tas-6.30am ġew infurmati mill-Control Room li raġel kien qed jallega li qatel lil ommu u lil zitu. Fetħilhom l-akkużat stess, li kien evidenti li kellu diversi titjiriet tad-demm fuqu, u ma qalilhom xejn. Fil-kamra ta’ ġewwa nett sabu ż-2 vittmi mitfugħin fuq xulxin f’għadira demm. Il-persuna ta’ taħt kienet diġà mejta. Bellizzi beda jsejjaħ għal ambulanza. Il-vittma l-oħra ttieħdet l-isptar. Il-pulizija jgħid li ma tax wisq kas tal-kamra, għax “ħlief demm ma bdejniex naraw.” Il-pulizija qal li fl-ebda ħin ma kellem lill-akkużat, li deher kalm u mhux aġitat, u ma offra l-ebda reżistenza. Fil-ġenb tal-awla, l-espert għadu qed jieħu l-marki tas-swaba’ tal-akkużat, li bilkemm ilissen kelma.

11:11 Jitla’ jixhed l-uffiċjal tal-pulizija Raymond Vella, li hu stazzjonat fil-garaxx ukoll. Qabel max-xhieda ta’ Jeffrey Gilson dwar it-telefonata li daħlet filgħodu. Baqgħu jistennew barra l-post tad-delitt sakemm mal-ħaddiema tal-forensika lestew xogħolhom.

11:09 Intant, jitla’ jixhed l-uffiċjal tal-pulizija Jeffrey Gilson, xufier. Fit-23 ta’ Lulju daħlet telefonata filgħodu li kien hemm bżonn l-għajnuna fil-Għargħur. Jispjega li marru kmieni, u taw il-body bag lill-esperti tal-forensika. Jgħid li ġarrew persuna waħda bil-karozza tagħhom għall-ħabta tat-8.30am. Spjega li fid-dar l-ewwel li ra kienu bitħa interna u salott.

11:05 Jitla’ jixhed espert, li jieħu l-marki tas-swaba’ tal-akkużat.

Illum tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tar-raġel li qatel lil ommu lil zitu fil-Għargħur.

Fl-aħħar seduta tat-13 t’Awwissu, ġie deċiż li r-raġel għandu jinżamm arrestat. 

Il-każ seħħ fit-23 ta’ Lulju għall-ħabta tas-6.30am fi Triq Fidiel Zarb, b’raġel ta’ 42 sena mill-Għargħur allegatament jaggredixxi lin-nisa b’arma bil-ponta. In-nisa nstabu feruti fil-washroom tar-residenza.