Qtil Hugo: Ma tinstabx DNA tal-akkużat fuq il-manku tas-sikkina

Nicole Borg

Fuq il-manku tas-sikkina li qatlet lill-intraprenditur Hugo Chetcuti, instabet id-DNA tal-vittma, imma mhux dik tal-akkużat.

Dan qalitu l-esperta forensika Marisa Cassar fil-qorti llum, fejn kompliet tinstema’ l-kompilazzjoni ta’ xhieda kontra Bojan Cmelic, akkużat bil-qtil tal-intraprenditur Hugo Chetcuti.

Xehdu wkoll il-Professuri Marie Therese Camilleri u Ali Stafrace li wettqu l-awtopsja fuq ġisem l-akkużat. Il-kawża tal-mewt ġiet iċċertifikata li kienet septicaemia, infezzjoni ġenerali li tinxtered fid-demm.

Il-każ għandu jkompli jinstema’ fis-26 t’Ottubru.

Aqra x’ġara pass pass fil-Qorti hawn taħt…

12:56 Il-każ ġie diferit għas-26 t’Ottubru fis-2.30pm.

12:34 Imiss jixhdu esperti forensiċi li se jitkellmu fuq l-awtopsja li għamlu fuq il-vittma. Fit-13 ta’ Lulju, il-Professuri Marie Therese Camilleri u Ali Stafrace għamlu l-awtopsja fuq Hugo Chetcuti. Il-kawża tal-mewt ġiet iċċertifikata li kienet septicaemia, infezzjoni ġenerali li tinxtered fid-demm. L-imsaren kienu rawhom minn qabel ma raw il-ġisem, u nnutaw il-perforazzjonijiet (ma speċifikawx kemm-il perforazzjoni kien hemm) fihom, li nħolqu minn meta l-istonku tal-vittma tniffed mis-sikkina. Wieħed mill-esperti ma kienx ċert liema patologu kien eżamina d-demm tal-vittma.

12:20 Tibda tixhed Marisa Cassar li tippreżenta xi dokumenti fil-Qorti li fihom tikkumpara d-DNA li nstabet fuq ġisem il-vittma u d-DNA tal-vittma Hugo. Ittieħed kampjun tad-demm li kien fuq il-kappell u ż-żarbun li kien liebes l-akkużat u fuq l-ilbies tal-akkużat, u dan kollu qabel mad-demm tal-vittma. Ittieħdet DNA mill-manku tas-sikkina li qablet ma’ dik ta’ Hugo Chetcuti, iżda mhux ma’ ta’ Bojan Cmelic. L-espert qalet li l-probabbiltà li hemm DNA ta’ Cmelic fuq is-sikkina hi baxxa. L-aktar demm li sabet li kien jaqbel mal-vittma kien aktar viċin tal-manku tas-sikkina, milli tax-xafra tagħha.

12:04 Jidħol fl-awla l-akkużat Bojan Cmelic, imdawwar b’uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fl-aħħar seduta tal-10 ta’ Settembru, xehdu diversi tobba li ppruvaw isalvaw ħajjet il-vittma, kif ukoll uffiċjali tal-pulizija li kienu involuti fit-tfittxija tal-akkużat eżatt wara li ġara d-delitt.

Fis-seduta tal-31 ta’ Lulju, Cmelik tpoġġa taħt att ta’ akkuża wara li nstabu traċċi tiegħu fid-DNA ta’ Hugo Chetuti. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia qed tippresiedi fuq il-każ.

Bojan Cmelik qed jiġi akkużat li attakka lill-intraprenditur Hugo Chetcuti f’San Ġiljan fis-6 ta’ Lulju billi tah daqqtejn ta’ sikkina. Chetcuti miet fl-Isptar Mater Dei wara li għamel sitt ijiem jissielet għal ħajtu.