‘El Chapo’ ta’ Malta: Kien jirċievi t-telefonati mill-ħabs qabel kien arrestat

Read in English.

Fis-seduta tal-Erbgħa l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, instema’ kif Jordan Azzopardi kien jirċievi t-telefonati mill-ħabs qabel ma dan kien arrestat.

L-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi li kien arrestat iktar kmieni din is-sena u s-sieħba tiegħu li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti.

Lejn tmiem is-seduta ġie diskuss il-ħelsien mill-arrest ta’ Azzopardi, bil-Maġistrat se tkun qed toħroġ digriet iktar tard dwar dan. Id-difiża ta’ Azzopardi argumentat li l-fatt li r-reat huwa wieħed serju, mhix ġustifikazzjoni biżżejjed biex dan ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Mark Mercieca ppreżenta fil-Qorti telefonati li saru minn ħabsin lejn in-numru ta’ Azzopardi meta dan kien għadu ma ġiex arrestat. Fil-kontro-eżami li sar mill-avukat Arthur Azzopardi ħareġ li l-call logs tal-ħabs jiżammu għal żmien indefinit.

11:52 Ġie diskuss ir-rikors li daħal f’isem Azzopardi fejn saret it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-avukat Alfred Abela argumenta li għalkemm Luke Vella għadu ma xehedx peress li l-hemm stqarrija ġuramentata ta’ Vella quddiem il-Maġistrat Inkwierenti. Abela tkellem ukoll dwar Jason Zammit, u saħaq li l-provi jinsabu fis-sigur. Abela saħaq li Corinne Agius se tkun qed tixhed l-Erbgħa filwaqt li jidher din ma kinitx xhud prinċipali hekk kif id-difiża saret taf dakinhar li se tixhed.

Abela argumenta li kemm fix-xhieda li nstemgħet s’issa kif ukoll minn dawk li baqa’ min jixhed, mhemmx ġustifikazzjoni biex Azzopardi jibqa’ jinżamm arrestat.

Sostna li l-fatt li r-reat huwa wieħed serju dan mhux biżżejjed biex jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li baqa’ xhieda pajżana li ma għandhomx stqarrija ġuramentata filwaqt li talbet għall-iktar ħin biex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.

L-avukat Abela sostna li kemm-il darba li ġew quddiem din il-Qorti kien hemm diversi każijiet serji li ngħataw il-ħelsien mill-arrest. Huwa saħaq li l-investigazzjoni tal-Pulizija allaħares tieqaf filwaqt li argumenta li l-investigazzjoni għaddejja hi xogħol il-pulizija u ħadd mhu qed iwaqqfu iżda dan ma jfissirx li hi r-raġuni valida biex Azzopardi jibqa’ taħt arrest preventiv.

Il-kawża ddeferita għat-13 ta’ Ġunju fin-12.30.

11:47 Il-Qorti sabet ħati lil Luke Vella multa ta’ €200 u tordna l-ħruġ ta’ mandat ta’ akkumpanjament fil-konfront tiegħu. Vella ntalab diversi drabi biex jitla’ jixhed.

Il-kawża tas-sieħba ta’ Azzopardi deferita għat-13 ta’ Ġunju fin-12.30.

11:43 Dr Marisa Mifsud ġiet innominata mill-Qorti biex tagħmel traskrizzjoni tas-CD esebita.

11:33 Jixhed surġent stazzjonat id-drug squad li kien involut fi tfittxijiet ta’ Birkirkara, Gżira, Marsa u Pietà.

Jgħid li f’kull raid li saret ġie nnutat ċirkostanzi simili, tankijiet tal-aċtu, kameras tas-sigurtà, bibien tal-ħadid, u ċnut.

Huwa ddeskriva meta saret it-tfittxija fuq is-sieħba ta’ Azzopardi f’Busietta Gardens. Is-surġent qal li stennew lil Azzopardi jasal fuq il-post sakemm bdew it-tfittxijiet.

Is-surġent jgħid li l-għada saret tfittxija fuq il-villa fejn instabu diversi bullets, il-passaport ta’ Azzopardi, arma fil-kexxun tas-sodda, ħames laptops, fost oħrajn.

Jgħid li fil-gardenza nstab miżien diġitali u oġġetti relatati mal-użu tad-droga.

Huwa tkellem ukoll fuq tfittxija li saret iktar tard fuq il-villa meta nstabu l-flus fil-ġnien.

11:25 Jixhed l-Ispettur Mark Mercieca mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Huwa jagħmel korrezzjoni fix-xhieda tiegħu.

Huwa jgħid li parti mill-investigazzjoni kienet li talab in-numri ta’ persuni li jinsabu l-ħabs li għamlu telefonati fuq numri li huma ta’ Jordan Azzopardi.

11:16 Jixhed Mark Ciantar li jaħdem ma’ Vassallo Group parti mis-sales u jieħu ħsieb il-kiri tal-propjetà. Huwa spjega lill-Qorti li huma kienu għamlu kuntratt, sostna li huwa kien mar juri l-propjetà lil Jordan Azzopardi iżda ma kienx involut fil-kuntratt.

Jgħid li rah darba oħra meta kien hemm problema bil-ħlas tal-kirja, u dakinhar kien ġie madwar siegħa u nofs tard. Spjega li kien hemm madwar b’xahrejn jew tliet xhur b’lura. Il-kera kienet ta’ €3,500 li kienu jġibuhom f’kontanti l-uffiċini tal-kumpanija. Ix-xhud qal lill-Qorti li personalment ma kienx jaf min jiġi bil-flus. Sostna li waqt il-laqgħa li kellhom, huma wrew ix-xewqa li jżommu l-villa u għalhekk kienu qed jipprovaw jsibu qbil.

11:14 Bħalissa għaddejja diskussjoni dwar ix-xhieda li se jixhdu fil-kawża ta’ Azzopardi u tas-sieħba tiegħu filwaqt li hemm xhieda oħra li se jixhdu fil-konfront ta’ Azzopardi biss.

11:00 Daħal fil-Qorti Jordan Azzopardi akkumpanjat minn numru ta’ pulizija flimkien mas-sieħba tiegħu.

L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ppreżenta stqarrija ġuramentata ta’ Jason Zammit li hi parti mill-proċeduri ta’ Azzopardi.

Is-sieħba ta’ Azzopardi li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ngħatat il-ħelsien mill-arrest f’seduta preċedenti.

L-avukati Alfred Abela u Arthur Azzopardi qed jidhru għall-akkużati.

Il-prosekuzzjoni hi mmexxiha mill-Ispettur Mark Mercieca.

Il-Maġistrat Doreen Clarke qed tippresedi fuq din il-Qorti.