Każ ġdid Liam Debono: “Kif jista’ jkun jekk hi biss kellha ċ-ċwievet?”

Read in English.

F’seduta ta’ madwar siegħa ngħalqu l-provi fil-konfront ta’ Liam Debono, li reġa’ deher quddiem il-Qorti f’każ separat wara li nqabad isuq bla liċenzja minn pulizija pajżan f’Mejju li għadda. Huwa kien spiċċa arrestat wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Wara li ngħalqu l-provi, il-Maġistrat Mifsud ippostpona l-kawża għall-21 ta’ Ġunju fejn se tkun qed tingħata s-sentenza f’dal-każ. Debono għandu proċeduri pendenti fil-każ tal-attentat ta’ qtil tal-uffiċjal tal-pulizija Simon Schembri li seħħ is-sena l-oħra. Missier Debono għażel li ma jixhidx u kompla jsegwi l-andament tal-kawża fil-Qorti.

Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud xehdu numru ta’ uffiċjali tal-pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit kif ukoll Jason Zammit li kien fil-karozza ma’ Debono meta dan inqabad. Xehdet ukoll it-tifla ta’ Zammit. Uffiċjal tal-pulizija xehed kif Zammit kien qallu li ħalla lil Debono jsuq biċċa mill-pompa tal-petrol sa fejn waqfu filwaqt li waqt ix-xhieda tiegħu Zammit qallu li saqu minn Ħal Tarxien sa Ħal Luqa iżda għażel li ma jweġibx fejn kienu bilqiegħda fil-karozza waqt is-sewqan.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Fabian Fleri u Pierguido Saliba.

Filwaqt li għall-imputat deher l-avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja.

10:29 Il-prosekuzzjoni tagħlaq il-provi. Id-difiża tinforma li ma għandhiex iktar provi xi ġġib quddiem il-Qorti.

Il-kawża ddeferita għas-sentenza għall-21 ta’ Ġunju fid-9.00am.

10:17 Jixhed Jason Zammit. Il-Maġistrat spjega lil Zammit li jista’ jagħżel li ma jweġibx iżda jekk jagħżel li jwieġeb irid jgħid il-verità kollha. Jgħid li hu u Debono kienu mwaqqfa 4.45pm f’Ħal Luqa.

Minn Ħal Tarxien għall-Gudja u daru lejn Ħal Luqa.

Jason Zammit spjega minn fejn għaddew sa Ħal Luqa u jgħid li ma waqfu mkien bil-karozza.

Meta mistqosi meta kien qed isuq, Zammit wieġeb li mhux se jwieġeb.

Il-Prosekuzzjoni staqsiet lil Zammit fejn kien fil-karozza meta waslu l-pulizija u jgħid li kien fuq in-naħa tax-xufier iżda għażel li ma jweġibx x’ġara qabel.

Jason Zammit qal li l-BMW kienet f’isem it-tifla l-oħra iżda kellu jdawwarha fuq Kirstie Zammit minħabba li t-tifla l-oħra ma għandhiex liċenzja. Ir-raġel sostna li Liam Debono qatt ma saq il-karozzi fit-triq forsi meta ġieli kienu qed jaħslu l-karozza, huwa sostna li dan saq fuq art privata.

Ir-raġel sostna li huwa ġieli saq il-karozzi meta kellu jdaħħal karozza u joħroġ oħra mill-garaxx, bil-Maġistrat isaqsi kif jista’ jkun dan meta t-tifla kienet għadha kif xehdet li hi biss kellha ċ-ċwievet.

10:12 Tixhed Kirstie Zammit assistita mill-avukat Andre Portelli. Hi tgħid li għandha Toyota Corsa u BMW li għadu fuq isem xi ħadd ieħor. Hi tgħid li t-Toyota hi bil-ħsara.

Tgħid li l-BMW xtratu mingħand missierha, Jason Zammit. Sostniet li meta l-karozzi jkunu fil-garaxx ta’ missierha ċerta li l-karozzi kienu jibqgħu fil-garaxx, hekk kif hi għandha ċ-ċwievet tal-karozzi. Il-Maġistrat Mifsud ifakkar lil Kirstie biex tgħid il-verità.

Zammit tgħid lill-Qorti li l-BMW xtratu mingħand missierha xi xahrejn ilu. L-Ispettur Fleri staqsa lit-tfajla jekk hi tafx jekk missierha għamilx kopja taċ-ċavetta. Hi saħqet li ma tafx.

10:08 Jixhed kuntistabbli mill-RIU li qal li kien infurmat għall-ħabta tal-5.30pm li kien hemm pulizija pajżan jiġri wara Liam Debono. Sostna li huma marru fuq il-post fejn sab lil Debono barra mill-vettura u lil Jason Zammit jirriversja l-vettura.

10:04 Jixhed il-kuntistabbli mill-RIU huwa kien għaddej fuq ir-ronda meta daħlet it-talba għall-assistenza. Huwa spjega li meta waslu fuq il-post kien hemm Liam Debono ma’ surġent u Jason Zammit kien qed jirriversja.

Jgħid li Zammit qallu li kien ħalla lil Debono jsuq biċċa mill-pompa tal-petrol. Il-kuntistabbli qal li Zammit qallu li kien għadu kif xtara l-vettura u s-sid kien għadu kif iffirmalu l-log book.

10:01 Jixhed is-Surġent Nigel Mallia mill-RIU. Huwa jgħid li daħlet l-informazzjoni fuq ir-radio tal-control room. Qal li l-informazzjoni kienet dwar Debono li kien qed isuq vettura tat-tip Fiat 1. Mallia spjega li l-pulizija pajżan tah l-istruzzjonijiet ta’ minn fejn għaddejjin filwaqt li ntbagħtu l-units tal-RIU li kienu fil-viċin.

Mallia qal li Debono nduna bil-presenza tal-pulizija u waqaf waħdu fil-ġenb.

09:57 Jixhed is-Surġent Justin Spiteri mill-RIU li qal fl-24 ta’ Mejju huwa kien qiegħed fuq ir-ronda fl-inħawi tal-Marsa. Spjega li huwa kien infurmat mill-control room li pulizija pajżan kien qed isegwi lil Liam Debono li kien qed isuq vettura meta dan mhux suppost qiegħed isuq.

Is-surġent spjega li l-pulizija pajżan waqqaf lil Debono fi Triq Mikiel Anġ Sapiano. Saħaq li ma’ Debono kien hemm persuna oħra li imbagħad ħareġ li kien Jason Zammit. Huwa spjega li kien xhud għall-istqarrija li ta Liam Debono.

09:50 Jixhed kuntistabbli Justin Axisa mill-għassa ta’ Wied il-Għajn. Huwa qal lill-Qorti li fis-6 ta’ Mejju huwa lemaħ vettura BMW li kienet qed tiddriftja fit-triq u pruvat tidħol fil-vettura li kien qed isuq hu.

Il-kuntistabbli qal li huwa fil-vettura għaraf lil Debono kien qed isuq u dan kien waħdu. Sostna li huwa ma marx warajh għax kien bil-vettura privata tiegħu iżda informa lill-control room u lill-Ispettur Pierguido Saliba.

Meta mistoqsi kif għaraf lil Debono, il-kuntistabbli jgħid li huwa rah fuq l-aħbarijiet kif ukoll ġieli għamel l-iskorti tal-Qorti. Fil-kontro-eżami qal li huwa kien pajżan u mhux bl-uniformi.

09:49 Missier Liam Debono, Anton Debono, għażel li ma jixhidx fil-konfront ta’ ibnu.

09:46 Jixhed Brian Abela li fuqu hi rreġistrata l-vettura Fiat biegħha lil Jason minn Ħal Tarxien. Huwa qal li t-transfer għadu ma sarx.

09:33 Tixhed Eunice Grech Fiorini, id-direttur u r-reġistru tal-qrati kriminali. Fiorini tgħid li ma jirriżultax li daħal rapport dwar Liam Debono, hi spjegat li għamlet numru ta’ riċerki li kollha rriżultaw fin-negattiv. Il-Maġistrat Mifsud qal lil Fiorini li x-xhieda ta’ qabilha qalet li daħlet ir-rapport fit-8 ta’ Jannar u aktarx tilfuh.

09:32 L-avukat tal-għajnuna legali ta’ Debono għadu mhux fl-Awla.

09:26 Tixhed Carmen Nygard li taħdem bħala probation officer. Hi qalet lill-Qorti li kienet issegwih meta dan ingħata probation. Hi tgħid lill-Qorti li daħlet ir-rapport dwar l-andament ta’ Debono fit-8 ta’ Jannar allavolja kienu bi strajk.

Nygard qalet li hi kienet teħodlu kampjun tal-urina b’mod regolari. Sostniet iżda li bejn 21 ta’ Novembru u 21 Jannar huma kienu qed isegwu d-direttivi tal-unjin. Saħqet li hi ħaditlu 4 kampjuni.

Hi qalet li fil-15 ta’ April ħadet kampjun tal-urina u sabitu pożittiv għall-kannabis.

09:24 Jibda jixhed l-Ispettur Pierguido Saliba. Huwa jippreżenta sentenza mgħottija lil Debono.

09:22 Jidħol l-akkużat fl-Awla 24.

09:05 Qabel ma wasal l-akkużat il-Maġistrat Joe Mifsud radd is-salib u informa li llum huwa propju 4 snin anniversarju minn meta ħa l-ġurament tal-ħatra. Qabel ma bdiet is-seduta huwa rringrazzja lil kulħadd.

Iż-żagħżugħ akkużat b’attentat ta’ qtil tal-pulizija Simon Schembri reġa’ spiċċa quddiem il-Qorti wara li ġie arrestat meta nqabad isuq bla liċenzja. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Fl-aħħar seduta, l-avukat ta’ Liam Debono lmenta li l-klijent tiegħu tpoġġa fl-agħar diviżjoni tal-ħabs.

AQRA: Liam Debono jgerger “li tpoġġa fl-agħar diviżjoni tal-ħabs”

AQRA: Arrestat Liam Debono; jaqbduh isuq karozza

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Fabian Fleri u l-Ispettur Pierguido Saliba.

Il-Qorti hi ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.