Assassinju Daphne: Esperti barranin fis-seduti li jmiss

12:52 Il-Prosekuzzjoni tgħid li issa se jibdew jiġu esperti barranin, allura jkun importanti li tinżamm il-puntwalità.
12:51: Is-seduta li jmiss se tkun fil-15 ta' Frar fid-9:30am. 
12:48 Iqum argument mill-avukati tad-difiża mal-Maġistrata dwar id-data ta' meta se tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda. Il-Maġistrat ma tilqax it-talba tal-avukati tad-difiża biex is-seduta ma' tkunx fil-15 ta' Frar. L-avukat tad-difiża jkompli jargumenta u jhedded li ma jiġix. "Tiġix" qaltlu fil-pront il-Maġistrata.
12:44 L-avukati tad-difiża jerġgħu jqajmu l-argument tagħhom li l-Avukat Ġenerali m'għandux ikun parti mill-kawża f'dan l-istadju peress li skont id-difiża għandu rwol b'elementi tal-ġudikatura. L-avukati tal-parte ċivile jgħidu li l-avukat tad-difiża ma jafux eżatt kif jaħdmu l-proċeduri legalo. 
12:33 Il-Maġistrat tgħid li se tkompli tevalwa l-argumenti tad-difiża.
12:30 Il-Maġistrat tgħid li d-difiża trid turi prova ta' preġudizzju għall-klijenti tagħhom.
12:27 Il-prosekuzzjoni tgħid li l-akkużati qed jiġu trattati skont il-liġi. Qal li l-unika trattament differenti li qed isir huwa fil-ħin speċifiku li jsiru ż-żjajjar għat-tliet akkużati.
12:21 L-avukati tad-difiża qed ikomplu jisħqu biex l-akkużati jiġu ttrattati b'mod ugwali bħall-priġunieri l-oħra. Qal li meta l-akkużati jiltaqgħu mal-familja, ikun hemm madwar 3 gwardjani eżatt warajhom. Qalu wkoll li l-ħin tal-viżitaturi għall-akkużati huwa tard wisq, jiġifieri fil-5:30pm. Qal li fil-każ ta' tfal żagħar, dan huwa tard wisq.
12:21 Terġa' tkompli s-seduta
11:53 Il-Maġistrat tordna pawża qasira ta' 10 minuti.
11:51 Jixhed Pulizija ieħor mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit li kien wasal fuq il-post dakhinar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Jgħid li kien intalab jagħlaq it-triq min-naħa t'isfel.
11:41 Jixhed surġent li wasal fuq il-post wara li kien daħal rapport ta' splużjoni f'karozza. Qal li sab pjanċa ta' karozza mal-art però kienet imrombla u ma setax jaqra n-numri.
11:33 Jixhed panel beater li qal li kien ħadem fuq karozza tal-kiri. Qal li l-persuna li ħallietlu ċ-ċavetta kienet impustat din iċ-ċavetta f'kaxxa tal-ittri l-ħażina. Kien tefagħha fil-kaxxa tal-ittri ta' garaxx mikkri. Ġab in-numru ta' sid il-post. Qal li t-Tnejn ta' wara reġa' ġab iċ-ċavetta lura u beda jaħdem fuq il-karozza. Meta lesta mix-xogħol, qal li din ittieħdet għand l-isprajer. Qal li wara, il-karozza reġħet ittieħdet għandu biex ikompli jaħdem fuqha. Ftit jiem wara, lestiha u din inġabret. Jgħid li sakemm il-karozza kienet għandu, kien iżomm iċ-ċavetta fl-uffiċju li għalih hu biss kellhu aċċess.
11:30 Jixhed rappreżentant ieħor ta' Transport Malta. Jgħid li George u Alfred Degiorgio t-tnejn kellhom dgħajsa waħda rreġistara fuq isimhom. 
11:26 Tixhed rappreżentanta minn Transport Malta. Tgħid liema huma l-vetturi li huma rreġistrati għand l-akkużati.
11:17 Mitlub jixhed ir-raġel li biegħ id-dgħajsa tiegħu lil George Degiorgio għal madwar 30,000 Ewro. Jgħid li tħallas fi flus kontanti. Qal li t-trasferimenti tal-flus saru ma' Alfred Degiorgio.
11:13 Nadine Ellul mitluba tixhed. Tgħid li kellha sim card li m'għadhiex tintuża. Għadu mhux magħruf għalfejn intalbet tixhed.
11:10 Tixhed issa s-Sinjura Fava. Tikkonferma l-indirizz ta' dan l-appartament f'San Pawl il-Baħar u dak kollu li qal ir-raġel tagħha qabel.
11:04 Jidħol ix-xhud Carmelo Fava li kien ġie mitkellem mil-Pulizija b'rabta mal-każ. Jgħid li għandu appartament fi Triq it-Tonn San Pawl. Qal li ilu jikrieh minn Awissu tal-2017. Qal li kien krieh lil Alfred Degiorgio u li għandu kuntratt. Degiogio kien iħallas 800 Ewro fix-xahar fi flus kontanti. Jgħid li ma tantx kien ikollu kuntatt miegħu. Qal li Degiorgio kien jikkomunika mal-mara tiegħu b'rabta mal-kera tal-post. Huwa jagħraf lil Alfred Degiogio fl-awla.
11:02 Il-Maġistrat tgħid li la darba li l-Perit maħtur intalab jagħmel l-inventorju taħt il-kappa tal-inkjesta maġisterjali, it-talba tal-prosekuzzjoni se tiġi milqugħa.
11:00 Id-difiża tibqa' tisħaq li l-mandat ingħata lill-akkużati wara li ġew immanettjati u ttieħdu d-depot. Jistaqsi x'sar mit-tinda minn dak iż-żmien. Il-prosekuzzjoni twieġeb li din ġiet sealed mill-Pulizija.
10:57 Il-Prosekuzzjoni titlob li jsir inventorju tal-affarijiet li jinsabu fit-tinda tal-patata fil-Marsa., b'mod partikolari fil-kamra li hemm fl-istess tinda. Dan biex tkun ippreżentata pjanta tal-istess post. L-avukat tad-difiża joġġezzjona peress li jgħid ma kienx hemm mandat għat-tfittxija li saret fit-tinda.
10:53 Wara li rat l-atti tal-inkjesta esebiti, il-Qorti tikkonferma n-nomina tal-esperti. Id-difiża se tingħata d-dritt li tirrispondi għal din il-lista. Qed jintalab permess biex l-Ispettur Charlot Casha jkun jista' jaqsam xi affarijiet li ġew elevati b'rabta mal-każ mal-Europol. Din it-talba tintlaqa' mill-Qorti.
10:47 Il-Prosekuzzjoni m'għandhiex problemi b'din it-talba, però qalet li ma jistgħax jingħad li dawn il-leaks ħarġu żgur mill-ħabs.
10:45 L-avukat formalment jitlob lill-Qorti biex tordna lid-Direttur tal-Ħabs jinvestiga t-talba tiegħu għan-nom ta' Vince Muscat dwar dawn il-leaks.  
10:43
L-avukat tad-difiża jgħid li l-klijent tiegħu ddaħħal l-isptar u jilmenta li xi ħadd illeakja din l-informazzjoni lill-midja. Madanakollu, qal li l-informazzjoni ma kienetx kompletament korretta.
10:42 It-tliet akkużati jidħlu fl-awla
10:38 Il-Pulizija jingħataw is-sinjal biex l-akkużati jkunu jistgħu jidħlu fl-Awla.
10:36 L-avukati jibdew jinġabru fl-Awla numru 7 fil-Qorti fil-Belt Valletta
Daqt mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio “il-Fulu,” George Degiorgio “iċ-Ċiniż” u Vince Muscat, “il-Koħħu.”
Ritratt: Arkivji