Assassinju Daphne: Id-difiża tqajjem dubji dwar l-evidenza

Jesmond Vassallo

13:55 Id-difiża tgħid li hemm kawża kostituzzjonali miftuħa minn George Degiorgio dwar l-irwol tal-espert tal-qorti Keith Cutajar. Wara tliet siegħat u nofs is-seduta ġiet aġgornata.

13:38 Jerġa’ jidħol Pavia, l-avukat Cuschieri saqsa minn min saru t-talbiet, kif u meta. Pavia jgħid li talbiet saru kemm mill-Pulizija u l-esperti tal-Qorti. Id-difiża titlob li tinġabar l-informazzjoni kollha dwar in-numri li qabdu mat-torrijiet indikati mill-prosekuzzjoni skont it-talba oriġnali. Din l-informazzjoni għandha tiġi preżentata fis-seduta li jmiss li se ssir fil-5 ta’ Diċembru fid-9.30. Il-Maġistrat talbet il-Prosekkuzzjoni ittella’ numru ta’ xhieda dakinhar.

13:33 Lura fl-awla. L-Ispettur Arnaud saqsa fejn jinsab it-torri li qed jirreferu għalih bħala YMCA, Cordina jwieġeb li jinsab fis-sit fejn kien hemm l-YMCA. Arnaud saqsa kemm ikopri art, huwa jispjega li torri jkopri l-MCC, Sant’Iermu u wara li hemm huwa baħar.

13:27 Nerġgħu ninsabu barra mill-awla hekk kif qed ikompli l-kontro-eżami u Cordina qed jiġi mistoqsi fuq il-partijiet tax-xhieda tiegħu li saret fil-magħluq.

12:56 Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda hekk kif ittieħdet pawża qasira. Ikompli jixhed Mario Cordina. Jgħid li ntalbu numru ta’ coverage maps għan-numri. Huwa qed jispjega dettalji tekniċi li jinsabu fir-rapport preżentat fil-Qorti. Jibda l-kontro-eżami mill-avukat Cuschieri, jitlob lil Cordina jikkonferma li d-data miġbura minn Vodafone, intalbietx qabel. Cordina jikkonferma li dan kien il-każ, li huma intalbu d-data f’Ottubru 2017. Cordina jgħid li talbiet legali jaslu fid-dipartiment legali tal-kumpanija li umbgħad jgħaddu lejn id-dipartimenti rispettivi fid-dipartiment.

Cuschieri jitlob lil Cordina jispeċifika l-ħin li t-torri tal-Bidnija kien mitfi u li jikkonferma li l-ebda mowbajl ma seta qabad ma’ dan it-torri. Cordina jgħid li fis-16 t’Ottubru 2017 it-torri kien mitfi bejn 8.30am u l-4pm, minħabba xi upgrades. Cordina jispjega li jista’ jkun li t-torri inxtegħel u ntefa, minħabba x-xogħlijiet.

Fil-kontro-eżami Cuschieri kompla jsaqsi dwar it-torrijiet u l-mapep ta’ kopertura li ġew preżentati fir-rapport. Joħroġ fit-tweġiba ta’ Cordina, li d-distanzi huma mqarrba. Cuschieri saqsa dwar jekk il-pjanura tal-post u t-temp jaffetwawx il-kopertura. Cordina jispjega li l-effett tat-temp huwa limitat.

Cuschieri saqsa dwar is-signalling information li nġabret mill-kumpanija. Cordina jispjega li minħabba li ma ntużax il-GPS iżda GSM, il-mowbajl jibgħat sinjal lejn it-torri kemm jekk ikun qed jintuża u kemm le. Cuschieri saqsa jekk it-torri tal-YMCA jaqbadx kemm l-art jew il-baħar. Cordina ikkonferma li t-torri tal-YMCA jkopri kemm il-baħar u l-art, huwa jgħid li ġew mitluba l-coverage map ta’ dan is-sit u provdew l-coverage map. Cuschieri saqsa jekk il-kumpanija setgħetx tgħid jekk il-mowbajl inkwistjoni kienx fuq l-art jew fuq il-baħar, u jekk rċiviex telefonata minn fuq il-baħar. Cordina jwieġeb li huma kienu biss mitluba għall-mapep ta’ kopertura. L-Ispettur Arnaud oġġezzjona għall-mistoqsija fil-kontro-eżami ta’ Cuschieri u qal li dan ma kellhux x’jaqsam ma’ dan ix-xhud iżda ngħatat f’xhieda differenti.

12:25 Lura fl-awla fejn reġgħu inbidlu x-xhieda u kompla jixhed Pavia.

12:00 Jerġgħu jinbidlu x-xhieda. Jidħol l-inġinier Cordina. L-awla ġiet żgumbrata mill-midja u persuni terzi biex tingħata xhieda kunfidenzjali.

11:45 Jerġgħu jinbidlu x-xhieda. Pavia jgħid li ntalbu jgħidu meta ġew attivati n-numri, meta inxtaraw, meta żiedu l-flus fuq il-kont tagħhom (top up) jekk intużawx wara s-16 t’Ottubru, fost oħrajn. Pavia qal li kwalunkwe attività li saret minn dawn iż-żewġ numri wara s-16 t’Ottubru jinsabu fir-rapport. Huwa jgħid li Vodafone intalbet informazzjoni dwar ħames numri oħra.

11:36 Joħroġ Cordina u jerġa’ jitla jixhed Pavia. Huwa jgħid li l-informazzjoni intalbet b’rabta maż-żewġ numri tal-mowbajl. Jerġa joħroġ Pavia u jkompli jixhed Mario Cordina. Cordina jgħid li cell tower tal-Bidnija kien mitfi minħabba manutenzjoni. Huwa jgħid li l-informazzjoni inġabru minn torrijiet oħra fil-madwar li qabdu magħhom il-mowbajls. Huwa jgħid li l-mowbajls għamlu użu mill-GSM iżda Vodafone mhix f’pożizzjoni tgħid li jekk intużax GPRS.

11:20 Jitla’ jixhed l-inġinier Mario Cordina li huwa l-Head of Radio Networks fi ħdann il-Vodafone. L-inġinier jispjega kif inhu maqsum ir-rapport preżentat. Huwa jgħid li fir-rapport jispjega n-naħa teknika ta’ kif jaħdem il-mobile radio network. Cordina jagħti diversi dettalji tekniċi lill-Qorti. Huwa kompla li waħda mit-talbiet li saru kienet talba għal Call Data Records (CDR) jiġifieri l-użu tal-mowbajl li sar mill-persuna. Il-Pulizija talbu għal signalling information. Il-Maġistrat tieqaf u tinduna li r-rapport huwa bl-Ingliż u ssaqsi x’se jsir, minħabba l-akkużati u jekk ir-rapport hux se jkun tradott.

Cordina jkompli jispjega dwar xi tfisser signalling information li turik meta l-mowbajl ikun inxtgħal, intefa, kif ukoll minn ħin għall-ieħor, il-mowbajl jibgħat sinjali lin-network, u dawn joħorġ mis-signalling information. Huwa jgħid ukoll li minn ħin għall-ieħor dan juri anki d-distanza mill-antenna li jkun qed juża.

Cordina jispjega li fis-signalling information għandek l-informazzjoni kollha li ssib fis-CDR iżda għandek ukoll meta jinxtgħel, jintefa’, kif ukoll location updates normalment ta’ kull siegħa li jinbidlu kull siegħa anki meta l-mowbajl ma jkunx qed jintuża.

11:12 Jitilgħu jixhdu żewġ rappreżentanti tal-Vodafone. L-avukat Cuschieri joġġezzjona li dawn jixhdu flimkien. Wieħed mir-rappreżentanti joħroġ mill-Awla u jibda jixhed Jason Pavia mit-tim legali. Pavia jispjega li saru tliet talbiet, u jispjega li tħejjew is-CDs li se jingħataw lill-partijiet kollha.

Il-Maġistrat saqsiet lil Pavia biex jispjega kollox fid-dettal. Pavia qal li t-talbiet tal-Pulizija jaslu għand it-tim legali iżda ħafna mit-talbiet kellhom bżonn informazzjoni teknika u għalhekk kien hemm bżonn ta’ inġinier. Saru talbiet relatati ma’ data dwar it-telefonati li saru, fejn kienu (location), eċċ. Huwa qal li minħabba f’hekk kellu jaħdem ma’ inġinier għax it-tim legali ma setgħax jipproċessa t-talbiet tal-Pulizija waħdu.

11:05 L-avukat Martin Fenech talab li jsir inspezzjoni fil-laboratorju li fih saru t-testijiet fl-Università. Fenech qed jargumenta li la l-laboratorju mhux akkreditat, għalhekk il-Qorti għandha tqabbad persuna kwalifikata tagħmel inspezzjoni fil-laboratorju.

Il-Maġistrat tgħid li hi għandha fiduċja sħiħ fix-xogħol ta’ Vella.

Fenech jibqa’ jinsisti dwar l-kundizzjonijiet fil-laboratorju u għalfejn mhux akkreditat u ma kienx issiġillat.

10:53 Jibda l-kontro-eżami mill-avukat Martin Fenech, fejn beda bl-ewwel mistoqsija tas-soltu, u saqsa fhiex inhu kwalifikat l-espert maħtur mill-Qorti. Vella infurmah li għandu baċellerat, masters u dottorat. Fenech saqsa x’kien libes l-espert fuq is-sit, u x’kien l-inkarigu tiegħu eżatt. Vella, spjega kif kien hemm persuna mill-awtoritajiet Olandiżi, li kien qed imexxi l-ġbir tal-evidenza. Fenech saqsa jekk il-laboratorju hux akkreditat. Vella spjega li dan il-laboratorju huwa wieħed tar-riċerka mhux ta’ analiżi u għalhekk mhux akkreditat bil-mod kif qed jifhem Fenech.

Il-Maġistrat staqsiet dwar il-proċess kif ittieħdu l-kampjuni, u spjegaw minn fuq kull esebit ittieħed kampjun mill-Awtoritajiet Maltin u kampjun mill-Awtoritajiet Olandiżi.

Fenech saqsa jekk jidħolx xi ħadd ieħor fl-istess laboratorju. Vella wieġeb li jidħol espert ieħor tal-qorti li jagħmel testijiet fuq drogi.

L-Ispettur Arnaud beda jsaqsi dwar il-proċess li bih il-kampjuni waslu għand Vella. Huwa spjega li l-Pulizija għaddewlu l-evidenza u dan waslu f’boroz issiġillati. Huwa jgħid li l-proċess kollu kien f’idu biex jittestja għall-kimika preżenti fuq l-evidenza miġbura mill-Bidnija.

10:42 Jitla jixhed Dr Daniel Vella, l-espert maħtur mill-qorti. Vella jgħid li huwa kien maħtur l-għada tal-assassinju, fis-17 ta’ Ottubru, u għen il-Pulizija jiġbru l-evidenza minn fuq il-post. Huwa qal kif mar ukoll l-għada fejn komplew jiġbru iktar evidenza minn fuq il-post. Fost affarijiet oħra inġabru partijiet mill-fdalijiet tal-karozza. Inġabru madwar 17 il-kampjun, u minn tlieta minnhom instab ukoll it-TNT. It-TNT instab f’ammonti żgħar ukoll fil-ħofra li hemm fit-triq tal-Bidnja. It-testijiet kimiċi saru fil-laboratorji tal-Università ta’ Malta.

Vella preżenta r-rapport tal-ħidma tiegħu lill-qorti. Huwa kien maħtur permezz tad-digriet maħruġ mill-maġistrat Anthony Vella fis-17 ta’ Ottubru 2017.

Huwa preżenta wkoll traduzzjoni tar-rapport magħmul mill-esperti barranin dwar l-isplussivi. Huwa spjega li poġġa xi noti u spjegazzjonijiet.

10:40 Jidħlu fl-awla numru 7 it-tliet akkużati bl-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

10:30 Jidħol ir-rapporteur speċjali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Pieter Omtzigt, li qed josservaw il-proċess. Omtzigt ilu Malta mit-Tnejn fejn iltaqa’ ma’ diversi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-Prim Ministru u awtoritajiet oħra fost oħrajn. Il-ġurnal The Shift News irrapporta iktar kmieni dil-ġimgħa kif Omtzigt ingħata permess speċjali biex ikun jista’ jisma jiġbor informazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ma jkollux għalfejn jiżvela l-identità.

Tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tat-tliet suspettati bl-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. It-tliet irġiel akkużati huma Alfred Degiorgio “il-Fulu”, ħuh George Degiorgio “iċ-Ċiniż” u Vince Muscat “il-Koħħu”.

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet assassinata b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda viċin id-dar tagħha fil-Bidnija. Il-Pulizija kienet arrestat għaxart irġiel b’rabta mal-assassinju li tlieta minnhom qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista.

Il-Prosekuzzjoni hija mmexxiha mill-Ispettur Keith Arnaud.

L-avukati William Cuschieri, Martin Fenech u Josette Sultana.

L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Costanzi qed jidhru bħala parte civile.

Il-Qorti presseduta mill-maġistrat Claire Stafrace Zammit.